Il-bandiera tar-rebħa Sovjetika mit-Tieni Gwerra Dinjija qed tibda tidher f’partijiet tal-Ukrajna okkupati mir-Russi qabel iċ-ċelebrazzjoni tar-Russja fid-9 ta’ Mejju ta’ Jum il-Vitorja tat-Tieni Gwerra Dinjija.

Il-bandiera l-ħamra, imtajra fuq ir-Reichstag ta’ Berlin fid-9 ta’ Mejju tal-1945, meta s-Sovjetiċi rebħu lin-Nażisti, iġġorr l-insinja tal-martell u l-minġel Sovjetiċi bl-iskrizzjoni, “150th Rifle, Order of Kutuzov Second Class, Idritz Division, 79th Rifle Corps, 3rd Shock Army, 1st Belorussian Front.”

Minn dak iż-żmien id-9 ta’ Mejju saret festa meqjuma fir-Russja u l-bandiera ikona importanti.

Għalkemm din il-bandiera ma kinitx l-unika waħda li ttellgħet fuq ir-Reichstag, kienet l-ewwel u l-unika waħda li baqgħet sal-lum mill-bnadar uffiċjali kollha ppreparati apposta biex jittellgħu hemmhekk.

Filmati li xxandru mill-midja barranija nhar it-Tlieta juru t-truppi Russi jtellgħu bandiera kbira f’Kherson. Aktar tard, truppi Russi dehru wkoll ipoġġu l-bandiera ma’ bini tal-gvern Ukren.

Il-bandiera tpoġġiet ukoll fuq il-bini tal-Kunsill reġjonali fil-belt ta’ Henichesk, li hija okkupata mir-Russi, fil-provinċja ta’ Kherson.

Skont is-CNN, statwa tal-eks mexxej Sovjetiku Vladimir Lenin reġgħet ġiet installata quddiem il-bini tal-kunsill aktar kmieni din il-ġimgħa.

Qed jingħad ukoll li l-forzi Russi qed iħossu pressjoni biex jiksbu xi forma ta’ rebħa qabel iċ-ċelebrazzjoni tar-Russja ta’ jum ir-rebħa fid-9 ta’ Mejju. Ir-Russja ġeneralment timmarka l-festa b’parata militari mill-Pjazza l-Ħamra u diskors mill-President Vladimir Putin.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks