Il-President tal-Bank Dinji David Malpass qal li d-dinja tista’ tiffaċċja katastrofi umana mill-kriżi tal-ikel ikkawżata mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna

Huwa qal li żidiet rekord fil-prezzijiet tal-ikel se jitfgħu mijiet ta’ miljuni ta’ nies fil-faqar u nutrizzjoni aktar baxxa, jekk il-kriżi tkompli.

Il-Bank Dinji jikkalkula li jista’ jkun hemm qabża kbira ta’ 37% fil-prezzijiet tal-ikel.

Dan jolqot l-aktar lill-foqra, li jieklu inqas u jkollhom inqas flus għal affarijiet oħra, bħall-edukazzjoni.

Huwa qal li hija tip ta’ kriżi inġusta, bħal ma kienet ukoll dik ikkawżata mill-Covid.

Żied jgħid li b’katastrofi umana, mhux biss tonqos in-nutrizzjoni imma ssir ukoll sfida politika għal gvernijiet li ma jistgħu jagħmlu xejn dwarha, ma kkawżawhiex huma u jaraw il-prezzijiet jogħlew.

Malpass qal li ż-żidiet fil-prezzijiet qed jaffettwa l-ikel ta’ kull tip, żjut, grains u aktar prodotti li huma magħmula mill-qamħ, għax jiżdied il-prezz tagħhom la ladarba l-prezz tal-qamħ jiżdied.

Huwa appella lill-pajjiżi biex ma jissussidjawx il-produzzjoni jew jillimitaw il-prezzijiet, minflok, huwa qal li l-enfasi għandha tkun fuq iż-żieda fil-provvisti madwar id-dinja ta’ fertilizzanti u ikel flimkien ma’ assistenza mmirata għall-ifqar nies.

Il-Kap tal-Bank Dinji wissa wkoll dwar kriżi oħra li tista’ tirriżulta mill-inkapaċità tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw, li jħallsu d-djun pandemiċi kbar tagħhom, fost iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u l-enerġija.

Saħaq li dan huwa prospett reali ħafna, u qiegħed jiġri f’xi pajjiżi. Żied jgħid li ma jafux sakemm din il-kriżi tista’ teskala iżda 60% tal-ifqar pajjiżi bħalissa qiegħdin jew f’diffikultà ta’ dejn jew f’riskju għoli li jkunu f’dejn kbir.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks