Prosekuturi Portugiżi li qed jinvestigaw l-għajbien ta’ Madeleine McCann, iddikjaraw lil Christian B bħala s-suspettat ewlieni.

Għalkemm ma ngħatawx wisq dettalji, huma qalu li qed jaġixxu fuq talba tal-awtoritajiet Ġermaniżi

Fl-2020, il-pulizija Ġermaniża qalet li kienet qed tinvestiga raġel, magħruf bħala Christian B, b’rabta mal-każ.

Madeleine, li dak iż-żmien kellha 3 snin, għebet waqt vaganza tal-familja fi Praga da Luz fl-2007.

Hija qatt ma nstabet u l-investigaturi jemmnu li nħatfet mill-appartament fejn kienu qed joqogħdu l-familja waqt il-vaganzi, fir-resort Algarve.

Fl-istqarrija li ħarġet nhar il-Ħamis mill-prosekuturi f’Faro, il-belt ewlenija ta’ Algarve, qalu li persuna saret “arguido”, li tfisser “suspettat imsemmi, “suspettat formali” jew “persuna ta’ interess,” jum qabel.

Hija l-ewwel darba li l-prosekuturi Portugiżi identifikataw suspettat ewlieni minn meta l-ġenituri ta’ Madeleine, Kate u Gerry McCann, kienu msemmija bħala suspettati, 15-il sena ilu. Aktar tard huma ġew meħlusa minn kull suspett.

Fit-3 ta’ Mejju se jkunu għaddew 15-il sena minn meta Madeleine ġiet irrappurtata nieqsa u skont il-liġi Portugiża, ma jkunx aktar possibbli li xi ħadd jiġi ddikjarat bħala persuna ta’ interess wara din id-data. Id-dikjarazzjoni ta’ xi ħadd bħala persuna ta’ interess huwa pass meħtieġ għal kwalunkwe akkużi kriminali.

Bħalissa Christian B qed jiskonta sentenza ta’ ħabs għal reati ta’ droga fil-Ġermanja u ngħata wkoll sentenza ta’ 7 snin wara li nstab ħati li stupra mara ta’ 72 sena.

Is-suspettat kien jivvjaġġa bejn Praia da Luz u l-Ġermanja f’vann għal diversi snin qabel ma Madeleine għebet.

Huwa mifhum li l-investigaturi Ġermaniżi qed jiffukaw ix-xogħol forensiku tagħhom fuq il-vettura.

Christian B, li għandu 40 sena, kien sar suspettat wara li allegatament ammetta li ħataf lil Madeleine waqt li kien f’bar fil-Ġermanja f’għeluq l-10 anniversarju mill-għajbien tagħha.

Madanakollu, meta bdiet l-investigazzjoni huwa ċaħad l-involviment tiegħu fl-għajbien ta’ Madeleine.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks