L-aktar mument emozzjonanti waqt it-tieni serata ta’ Mużika Mużika lbieraħ, ċertament kien dak il-mument li Moira Stafrace, il-mara ta’ Chris, li ħalliena fit-18 ta’ Frar li għadda, tat l-ewwel prestazzjoni tagħha fuq il-palk mingħajr żewġha.

Moira, flimkien mal-kantanta Victoria Sciberras interpretaw waħda mill-kanzunetti klassiċi, Tgħidlix.

Żgur li l-mument li Moira tfaċċat fuq il-palk ta’ Mużika Mużika qanqal emozzjoni kemm lil dawk preżenti fis-sala kif ukoll lil dawk li kienu qed isegwu minn djarhom, iżda d-diskursata tagħha ma’ Keith Demicoli wara l-prestazzjoni ċertament li nisslet aktar minn demgħa waħda.

Għall-fatt li din kienet l-ewwel darba għal Moira fuq il-palk mingħajr Chris, hija qalet li tħoss li qisha ġiet maqsuma min-nofs.

Keith staqsa lil Moira, x’se jiġri mill-karriera mużikali tagħha issa wara l-mewt ta’ Chris. Għal dan Moira qalet li Chris, konxju li ma kienx se jibqa’ magħna, kien ifakkarha li fadlilha ħajja x’tgħix u jħeġġiġha biex tkompli tgħixha.

Fost iċ-ċapċip u l-emozzjonijiet tal-udjenza preżenti, u bejn tgħanniqa ta’ sapport u oħra minn Keith, Moira qalet li s-sigriet tas-suċċess taż-żwieġ tagħhom u l-imħabba ta’ bejniethom kienet il-mużika. Hija qalet li minkejja li kienu żewġ karattri b’saħħithom, il-mużika kienet il-ħaġa li tgħaqqadhom flimkien, anki waqt xi argumenti li kien ikollhom.

Fil-fatt, hija qalet li l-iktar ħaġa li se tibqa’ tgħożż mill-memorji ta’ Chris hija l-mużika.

Insellmulek Chris!

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks