Il-Papa Franġisku qal li l-laqgħa tiegħu ppjanata f’Ġunju mal-Patrijarka Ortodoss Russu Kirill ġiet imħassra għax f’dan iż-żmien “tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.”

Kirill kien appoġġja l-gwerra tar-Russja fl-Ukrajna, fejn ix-xahar li għadda allega li l-parati tal-gay pride kienu parti mir-raġuni għall-invażjoni.

Alleat għal żmien twil tal-President Russu Vladimir Putin, Kirill huwa figura reliġjuża ewlenija fir-Russja, fejn ir-reliġjon Ortodossa Russa hija meqjusa bħala parti integrali mill-identità tal-pajjiż.

Meta tkellem mal-gazzetta Arġentina La Nacion, il-Papa Franġisku qal li r-relazzjoni tiegħu ma’ Kirill kienet “tajba ħafna”.

Il-Papa qal li ddispjaċih li l-Vatikan kellu jissospendi t-tieni laqgħa mal-Patrijarka Kirill, li kienet skedata għal Ġunju f’Ġerusalemm iżda qal li l-laqgħa f’dan il-mument tista’ twassal għal ħafna konfużjoni.

Mistoqsi dwar l-invażjoni tar-Russja tal-Ukrajna, il-Papa Franġisku wieġeb li lest li jagħmel minn kollox biex iwaqqaf il-gwerra.


Mistoqsi għaliex qatt ma semma pubblikament lir-Russja jew lil Putin, il-Papa qal li Papa qatt ma jitkellem dwar kap ta’ stat, u anqas dwar pajjiż, li huwa superjuri għall-kap ta’ stat.

Il-Papa qal ukoll li l-Vatikan jista’ jkollu rwol fin-negozjati għall-waqfien mill-gwerra.

Id-direttur tal-uffiċċju tal-istampa tal-Vatikan Matteo Bruni qal li l-Papa Franġisku qed inaqqas l-attivitajiet tiegħu minħabba diffikultajiet mediċi. Minħabba wġigħ f’irkopptu tal-lemin, kellu bżonn joqgħod bilqiegħda waqt li kien qed jaqra l-messaġġ tiegħu tal-Għid u jiċċelebra l-quddiesa tal-velja tal-Għid.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks