Il-President Vladimir Putin attenda quddies tal-Għid immexxija mill-Knisja Ortodossa Russa, li appoġġjat bil-qawwa l-“operazzjoni militari speċjali” tal-mexxej tal-Kremlin fl-Ukrajna.
Ritratti li ħarġu mill-midja barranija juru lil Putin iżomm xemgħa ħamra mixgħula fil-Katidral ta’ Kristu Salvatur ta’ Moska.
Il-mexxej Russu radd is-salib diversi drabi matul iċ-ċerimonja. Meta l-Patrijarka Kirill ħabbar “Kristu qam”, Putin ingħaqad mal-membri l-oħra tal-kongregazzjoni bit-tweġiba “Tassew qam”. Dik kienet l-unika ħaġa li qal.
Waqt servizz ta’ barra f’Moska nhar is-Sibt, Kirill qal li jittama li l-kunflitt fl-Ukrajna jintemm malajr iżda ma kkundannahx. Id-dikjarazzjonijiet tiegħu li jsostnu l-intervent tar-Russja, li ġie kkundannat minn Kyiv u n-nazzjonijiet tal-Punent bħala att ta’ aggressjoni, qasmu l-Knisja Ortodossa madwar id-dinja.
