Karistu resaq lejn it-tieqa tal-ħġieġ illi kellu fl-appartament il-ġdid. Ra l-kuluri fis-sema u sema’ l-istess ħsejjes familjari tan-nar tal-ajru.
Sena ġdida.
Ħares madwaru u ftakar f’kemm kienu ġraw affarijiet dis-sena. Dan l-appartament kien komdu, mimli għamara moderna u kellu dak kollu li Karistu qatt ma kien seta’ jaffordja qabel. Ħares lejn ħwejġu u tbissem. F’sena, b’dik l-imbierka lotterija kien sar nies.
Lanqas felaħ jistenna l-għada. Kellu seba’ mitt sena ħalli jara jekk Toni kienx se jiġi ħalli jagħtih dak kollu li kien tah hu meta ma kellux għaxja ta’ lejla.
L-għada mar iħaffef lejn il-bank, jitbissem, iżomm rigal f’idejh, liebes ilbies sabiħ. Kien qed ikanta minn taħt l-ilsien.
Rah hemm.
Toni.
Toni kien qiegħed bilqiegħda fuq il-bank jistennih.
“Toni…..” qallu Karistu hekk kif resaq lejh.
Iż-żewġt iħbieb ta’ kull nhar l-ewwel tas-sena.
Toni kien liebes bħas-soltu, impekkabbli.
“Int….?” qallu Toni.
“Jien, iva. Skużani li s-sena l-oħra ma sibtnix nistennik, imma rbaħt il-lotterija. Kellhom iġorruni d-dar bil-ħasda li ħadt! Din is-sena nħallaslek l-ikla jien.”
Tah ir-rigal u marru jieklu fl-istess ristorant lussuż illi kienu jmorru ta’ kull sena. Ferħu b’xulxin u twennsu bil-kliem li kienu jieħdu gost jirrakkontaw lil xulxin.
Kien propju dak il-ħin, li daħal raġel fqir, jittallab fil-bieb tal-ħanut għall-flus. Minnufih, Karistu qam bilwieqfa u tah karta ta’ għoxrin ewro.
“Mur ixtri xi ħaġa x’tiekol!” qallu Karistu, qabel ma’ ġie sid il-ħanut biex ikeċċih.
“Ara……mela inti taf lil Toni?” staqsieh dak ir-raġel mlibbes ħwejjeġ imtertqa. “Dak li jorqod f’kaxxa tal-kartun fit-tarf tat-triq?”
“Naħseb sejjer żball……” qallu Karistu.
“Le, żgur hu! Ton?” għajjatlu.
Toni qam bilwieqfa u ġie ħdejhom.
“Naħseb dan bidlek ma’ xi ħadd ieħor!” qallu Karistu.
“Le, Karistu…..dak ma biddilni ma ħadd! Jiena Toni. M’għandix dar. M’għandi xejn u lil ħadd. Kont niġbor ġabra ta’ kull sena ħalli kull l-ewwel ġurnata tas-sena jkolli ħabib. Ikolli ma’ min ngħid kelma, ikolli lilek. Ikolli ikla. Kont nagħmel sena sħiħa niġbor il-flus għal din il-ġurnata. Nixtri tibdila u nħallas ikla. U nħossni raġel maħbub għal din il-ġurnata. Maħbub minnek.”
Karistu baqa’ jħares lejh b’ħalqu miftuħ.
Antonio Galea Sciortino kien jaqsam dak kollu li kien ikollu miegħu, meta kien ifqar minnu!
“Illum stess se tibda toqgħod miegħi….” qallu bid-dmugħ f’għajnejh.

Avukata u Awtriċi