Select Page

Fost it-talent mużikali Malti li smajna u segwejna f’dawn l-aħħar jiem, ċertament spikkat l-interpretazzjoni ta’ Claudia Faniello tal-kanzunetta tagħha, Ġmielek.

Minbarra l-vuċi unika u impekkabbli ta’ Claudia Faniello fl-interpretazzjoni stupenda tal-kanzunetta Ġmielek, b’kitba ta’ Joe Julian Farrugia u kompożizzjoni ta’ Philip Vella, spikkat il-lingwa tas-sinjali.

Permezz tal-lingwa tas-sinjali, li hi xi ħaġa li m’aħniex imdorrijin naraw fejn tidħol mużika, Claudia wasslet messaġġ importanti ħafna ta’ inklużjoni.

Il-komunikazzjoni hija parti kruċjali mill-inklużjoni, u proprju f’dawk il-mumenti, permezz tal-kanzunetta tagħha, Claudia tesprimi l-valur ta’ kull individwu u tikkomunika ma’ dawk li jużaw il-lingwa tas-sinjali

Dan jirrifletti wkoll fil-messaġġ li twassal il-kanzunetta Ġmielek, li tittratta dwar kif għandna nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin, mhux biss dak ta’ barra, imma ħafna aktar ta’ ġewwa.

Li ma niġġudikawx u nwarrbu lil dawk li f’għajnejna jidhru differenti iżda li nagħrfu l-ġmiel ta’ xulxin. Ġmielek tagħti tama partikolarment lil dawk li qed ibatu fis-silenzju, tbatija kkawżata mill-uġigħ li f’diversi ċirkostanzi tal-ħajja u mis-solitudni, għaliex twassal il-messaġġ li jekk inħarsu lejn xulxin bla preġudizzji, nagħrfu l-valur ta’ xulxin u nistgħu nkunu l-leħen għal min m’għandux.

Claudia kellha kontribut biex tinkiteb din il-kanzunetta, dan minħabba li kif saħqet diversi drabi, kien hemm żminijiet fejn hi stess iffaċċjat sfidi personali fil-passat u kien hemm drabi fejn hi wkoll kienet tħossha waħedha.

Kont taf li Claudia kellha kliem miktub fuq il-libsa?

Jikkumplimenta l-messaġġ tal-kanzunetta Ġmielek, kien il-kliem li Claudia kellha miktub fuq il-mant tal-libsa; “Għalik li tħossok waħdek, kun af li m’intix

Ġmielek ġiet ikklassifikata fit-tielet post bi 88 punt.

Ir-rispons dwar din il-kanzunetta fuq il-midja soċjali kien wieħed qawwi, u żgur li se tkun waħda li se tibqa’ tissemma’ u inkluża fil-ħidma għal soċjetà ħafna aktar inklużiva.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks