Wara li ntemmet it-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, Franklin Calleja ħabbar fuq il-midja soċjali li l-kanzunetta Wennisni se tagħlaq il-kapitlu tiegħu fuq il-midja u qal li mil-lum ‘il quddiem se jħares lejn materjal ġdid mingħajr kompetizzjoni.
Franklin qal li jinsab kuntent li kien hemm min apprezza dak li għamel u l-abilità tal-vuċi. Huwa rringrazzja lil dawk li emmnu fih matul id-9 snin tal-karriera tiegħu u s-sapport tawh. Qal ukoll li l-mużika sabiħa u tgħaqqadna u għalhekk xorta se jibqa’ għaddej b’dak li jħobb mingħajr kompetizzjoni.
Huwa qal li l-festival Mużika Mużika kien festival prestiġjuż u ta’ skala għolja sostna li kien onorat li s-sehem tiegħu għall-aħħar darba kien f’festival bħal dan.
“Nawgura minn qalbi lil Kurt tar-rebħa, b’kanzunetta sabiħa immens”
Franklin Calleja
Franklin qal li se jimmisja l-kompetizzjoni iżda jemmen li l-kompetizzjoni mhix għalih. Żied jgħid li hu jemmen li m’għandux bżonn jiġi aktar iġġudikat fuq don li għandu minn opinjoni ta’ grupp ta’ nies.
Kompla jgħid li l-vuċi hija strument importanti ħafna għalih u se jibqa’ jaħdem għal karriera aħjar għax jixraqlu.
Fl-aħħarnett, huwa rringrazzja lil Emil Calleja Bayliss kif ukoll lil Cyprian Cassar li ħolqu l-kanzunetta Wennisni.
