Bħal ma jiġri dejjem f’festivals bħal dawn, ħafna jasmu l-ħsibijiet u l-opinjoni tagħhom dwar dak li jkunu qed isegwu, fuq il-midja soċjali.
Matul it-tliet serati tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, fost il-kummenti dwar il-kantanti, l-interpretazzjonijiet u l-ilbies tagħhom, naturalment, kien hemm ukoll dwar il-preżentaturi.
Clare Agius, Keith Demicoli u Moira Delia ppreżentaw it-tliet serati tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika, u jidher li, għajr xi ftit kummenti ta’ kritika, huma ħafna li faħħru l-mod ta’ kif ippreżentaw.
B’differenza minn kif ġara f’okkażjonijiet oħra, bosta faħħru l-preżentaturi għall-fatt rnexxielhom iwasslu lil kull min kien qed isegwi, tliet serati bl-aktar mod naturali u professjonali, u fl-istess waqt, nisslu tbissima.
Aktar kmieni, fuq il-paġna ta’ Facebook tagħha, Clare Agius qasmet wieħed mill-kummenti li rċevew. Hija qalet li wara li tkun ilek żmien twil fix-xandir, titgħallem tidħak bik innifsek u bil-kummenti li jgħaddu ċerti nies, jekk ma jkunux b’intenzjoni malizzjuża.
Hija qasmet wieħed mill-kummenti u qalet li għadha tidħak bih kull xħin tiftakru. Il-kumment kien dwar l-ilbiesi ta’ Clare u Moira fl-ewwel serata, li kien jgħid li waħda bid-dressing gown u l-oħra bin-nighty.
Clare faħħret lid-disinjatur tal-ħwejjeġ tagħhom Luke Azzopardi, u qalet li kemm hi kif ukoll Moira, kienu komdi bihom, u li dik kienet importanti għalihom.
Int x’deherlek mill-preżentaturi tat-tieni edizzjoni ta’ Mużika Mużika?
