Emmanuel Macron rebaħ l-elezzjoni presidenzjali ta’ Franza, filwaqt li rnexxielu wkoll jegħleb sfida storika mill-kandidata tal-lemin estrem Marine Le Pen waqt il-votazzjoni ta’ nhar il-Ħadd.

Macron ħa 58.5% tal-voti tal-Ħadd, u b’hekk sar l-ewwel mexxej Franċiż li ġie elett mill-ġdid f’20 sena.

Hu u Le Pen għaddew għar-runoff wara li spiċċaw fl-ewwel u fit-tieni post, rispettivament, fost 12-il kandidat li ħarġu fl-ewwel rawnd fl-10 ta’ April.

Filwaqt li l-elezzjoni kienet rematch tar-runoff presidenzjali Franċiża tal-2017, għal ħafna mill-Ewropa, din l-elezzjoni kienet waħda ta’ tħassib għaliex ir-riżultat kien se jiddetermina kif se tiġi affettwata r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea.

Presidenza ta’ Le Pen kienet tibdel b’mod fundamentali r-relazzjoni ta’ Franza mal-Unjoni Ewropea u mal-Punent, fi żmien meta l-Unjoni Ewropea u l-alleati tagħha jiddependu fuq Pariġi biex jieħdu rwol ewlieni biex jiffaċċjaw xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja, b’mod partikolari preżentament, il-gwerra fl-Ukrajna.

U għalkemm Macron rebaħ fuq il-viżjoni ta’ Le Pen għal bidla radikali, il-41.5% tan-nies li vvutaw għaliha poġġew lil-lemin estrem Franċiż eqreb lejn il-presidenza minn qatt qabel.

Ħafna minn dawk li ma kinux sodisfatti bl-aħħar żewġ kandidati baqgħu d-dar. Ir-rata ta’ astensjoni tal-votanti għar-runoff kienet ta’ 28%, skont il-Ministeru tal-Intern Franċiż, l-ogħla f’aktar minn 50 sena, skont il-midja Franċiża. Fil-fatt, aktar votanti astjenew milli vvutaw għal Le Pen.

Għalkemm iċ-ċelebrazzjonijiet kienu ferm inqas minn dawk ta’ wara r-rebħa ta’ Macron fl-2017, il-partitarji tiegħu nġabru fuq Champs de Mars, quddiem it-Torri Eiffel fiċ-ċentru ta’ Pariġi, jiċċelebraw ir-riżultat fejn hu ta d-diskors tiegħu u ndaqq ukoll l-innu Ewropew, komunement imsejjaħ “Ode to Joy.”

Fid-diskors tar-rebħa tiegħu, Macron wiegħed li jkun il-president ta’ kulħadd. Imbagħad irringrazzja lill-partitarji tiegħu u rrikonoxxa li ħafna, bħal fl-2017, ivvutawlu sempliċement biex jiżguraw li l-lemin estrem ma jingħatax il-poter.

Macron qal li t-tieni mandat tiegħu mhux se jkun kontinwazzjoni tal-ewwel tiegħu, billi jimpenja ruħu li jindirizza l-problemi attwali kollha ta’ Franza. Huwa ndirizza wkoll lil dawk li appoġġjaw direttament lil Le Pen, u qal li hu, bħala president, irid isib tweġiba għar-“rabja u n-nuqqas ta’ qbil” li wassluhom biex jivvutaw għal-lemin estrem.

Le Pen tat diskors ta’ konċessjoni fi żmien nofs siegħa wara l-ewwel riżultat, u tkellmet mas-sostenituri tagħha miġbura f’Bois de Boulogne fil-Punent ta’ Pariġi.

Minkejja li tilfet l-elezzjoni, Le Pen irrikonoxxiet il-fatt li l-lemin estrem qatt ma mar daqshekk tajjeb f’elezzjoni presidenzjali. Hija sejħet ir-riżultat bħala “storiku” u bħala “rebħa brillanti” li poġġiet lill-partit politiku tagħha, National Rally, “f’pożizzjoni eċċellenti” għall-elezzjonijiet parlamentari ta’ Ġunju.
“Il-logħba għadha ma spiċċatx,” qalet.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks