Select Page

Ingredjenti (għal 4 porzjonijiet):

Tiġieġ u immarinar:

500g sider tat-tiġieġ bla għadam bla ġilda, jew 1kg tiġieġ sħiħ maqtugħ f’biċċiet bil-ġilda mneħħija

Tazza yogurt

Nofs mgħarfa turmeric powder

Żewġ imgħaref garam masala midħun

Żewġ imgħaref Biryani masala midħun

Nofs mgħarfa chili powder

Kuċċarina Paprika

Melħ għat-togħma

Meraq ta’ lumiija

Ross Biryani:

400g ross basmati

Litru ilma

5 sinniet tewm

3 imgħaref ġinġer frisk

8 cardamom pods sħaħ

4 stilla tal-ħlewwa (star of anise)

Nofs stikka tal-kannella

3 chili friski sħaħ, maqsumin fin-nofs

4 imgħaref ghee jew butir

Mgħarfa żejt taż-żebbuġa

Żewġ basliet, imqatta’ fi flieli rqaq

3 tadamiet imqatta’

4 weraq tar-rand

Għall wiċċ tal-Biryani:

Żewġ imgħaref kosbor frisk imqatta’

Żewġ imgħaref nagħniegħ frisk imqatta’

20 anakardju sħiħ (cashews).

Żewġ imgħaref żbib

Basla kbira, imqatta’ fi flieli rqaq

Metodu:

Ipprepara u immarina t-tiġieġ:

  • Aqta’ t-tiġieġ f’biċċiet fid-daqs li tixtieq. Żid il-meraq tal-lumi u l-melħ mat-tiġieġ.
  • Fi skutella separata, żid il-yogurt, it-turmeric, il-garam masala, il-biryani masala midħun, it-trab taċ-chili, u l-paprika. Ħallat l-ingredjenti kollha flimkien.
  • Żid l-immarinar tal-yogurt mat-tiġieġ u ħawwad sew. Ħalli t-tiġieġ joqogħdu għal minimu ta’ 15-il minuta.
  • Ipprepara r-ross Biryani:
  • Xarrab ir-ross basmati fl-ilma għal 10 minuti.
  • Fuq sħana medja, żid iż-żejt u l-ghee jew il-butir f’taġen kbir. Żid il-cardamom pods, il-kannella, il-weraq tar-rand, stilla tal-anise, u l-basla mqatta’.
  • Għaffeġ it-tewm u l-ġinġer b’mehrież u lida sakemm ikollok pejst.
  • Ladarba l-basla tibda ssir kannella dehbi, żid il-pejst tat-tewm u l-ġinġer.
  • Żid il-bżar taċ-chili.
  • Żid it-tiġieġ u ħawwad sew.
  • Żid it-tadam imqatta’. Kompli sajjar fuq nar medju għal 10 minuti mgħottija.
  • Żid ir-ross basmati. Ħallat sew.
  • Żid l-ilma u żid in-nar għall-għoli. Sajjar mikxuf sakemm ir-ross jibda jagħli. Imbagħad baxxi n-nar għal medju.
  • Ladarba l-ilma evapora sa taħt ir-ross, ħallat bil-mod, żewġ dawriet biss. Imbagħad għatti r-ross, u baxxi n-nar għall-baxx.
  • Ir-ross ikun sar wara madwar 15-il minuta.

Issa pprepara l-ingredjenti għal wiċċ tal-Biryani:

  • Aqli l-basla mqatta’ f’żejt veġetali sakemm issir kulur kannella dehbi.
  • Aħsel u qatta’ n-nagħniegħ u il-kosbor.
  • Ixwi l-anakardju f’taġen niexef ‘non-stick’ fuq sħana medja, sakemm jieħu ftit kulur.
  • Żid il-basla moqlija, l-anakardju mixwi, iż-żbib, il-kosbor u n-nagħniegħ fil-wiċċ tal-Biryani.
  • Servi immedjatament.

L-ikla t-tajba!

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din ir-riċetta u oħrajn, ibagħtilna fuq info@skoperta.net

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks