Tħabbret il-mewt ta’ Kane Tanaka, mara Ġappuniża ċċertifikata uffiċjalment bħala l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-età ta’ 119-il sena.
Mara li rnexxielha tegħleb il-kanċer darbtejn u għexet għadd kbir ta’ avvenimenti storiċi, għexet żewġ gwerer dinjija, l-influwenza Spanjola tal-1918, kif ukoll il-pandemija tal-Covid-19.
Kane Tanaka twieldet fl-1903, l-istess sena ta’ George Orwell, fi żmien meta l-Ġappun kien qed joħroġ bħala qawwa globali.
Iżżewġet seklu ilu, u kellha erbat itfal. Hija qattgħet l-aħħar snin ta’ ħajjitha f’dar tal-anzjani Ġappuniża. Il-familja tagħha qalet li Kane kienet iżżomm moħħha u ġisimha attivi.
Bil-mewt tagħha, l-ixjeħ persuna fid-dinja issa hija Lucile Randon, soru Franċiża ta’ 118-il sena.
Fis-sena tat-twelid tagħha wkoll, Theodore Roosevelt kien president tal-Istati Uniti u Edward VII kien ir-Re Brittaniku. Hija wkoll is-sena fejn kienet saret l-ewwel tellieqa tat-Tour de France.
Is-sena ta’ wara, ir-Russja marret għall-gwerra kontra l-Ġappun, u sofriet telfa kbira.
Tanaka kienet is-seba’ minn disa’ aħwa. Iżżewġet ta’ 19-il sena u mexxiet diversi negozji, inkluż ħanut tan-noodles.
Żewġha, li ma kinitx iltaqgħet miegħu qabel jum it-tieġ tagħhom, iġġieled fit-Tieni Gwerra Sino-Ġappuniża fl-1937 filwaqt li binha ġġieled fit-Tieni Gwerra Dinjija, u nżamm bħala priġunier mill-Unjoni Sovjetika.
Tanaka kellha tieħu sehem fit-torch relay fl-Olimpjadi ta’ Tokjo iżda l-pandemija tal-Covid żammitha milli tagħmel dan.
F’ċerimonja li rrikonoxxietha bħala l-ixjeħ persuna fid-dinja fl-2019, qalet li kienet aktar ferħana milli qatt kienet.
L-aktar persuna li qatt għexet tibqa’ l-Franċiża Jeanne Louise Calment, li mietet fl-età ta’ 122 sena u 164 jum fl-1997.
Il-Ġappun għandu l-aktar popolazzjoni anzjana fid-dinja. Aktar minn kwart tas-soċjetà għandhom 65 sena jew aktar, bid-dieta, il-kura tas-saħħa, u l-fatt li ħafna anzjani jkomplu jaħdmu fl-aħħar snin tagħhom identifikati bħala raġunijiet wara l-ħajja twila li jgħixu.
