Iż-żjara ta’ jumejn li għamel Papa Franġisku f’Malta allegatament ġiet tiswa €4,000,000.

Dan ġie żvelat mill-portal tal-aħbarijiet The Shift, li qalu li skont xi sorsi, €3,000,000 minn din is-somma ġew imħallsa mill-istat Malti filwaqt li €1,000,000 ġie mħallas mill-Kura minn fondi tal-knisja.

B’reazzjoni għal din l-aħbar, bosta esprimew ruħhom fuq il-midja soċjali u qalu li ma jaqblux assolutament mal-fatt li ntefqu daqstant flus għal din iż-żjara.

Il-Gvern ġie kkritikat partikolarment talli skont huma, ħela l-flus tal-kontribwenti fuq iż-żjara fuq spejjeż bla bżonn, bħall-bini ta’ rampa temporanja li ġiet tiswa €50,000, fil-port ta’ Għawdex biex il-Papa jkun jista’ jżur il-gżira għal inqas minn sagħtejn permezz ta’ katamaran.

Sorsi li tkellmu ma’ The Shift qalu li parti mill-fondi użati mill-Kurja setgħu wkoll intużaw b’mod aktar għaqli, u sostnew li eluf ta’ ewro intefqu fuq it-trasferiment tal-Fiat Cinquecento tal-Papa lejn Malta minn Ruma, minflok ma akkwistaw l-istess mudell mingħand l-importaturi tal-karozzi Maltin

Skont l-istess sorsi li tkellmu ma’ The Shift qalu wkoll li n-Nunzju uża parti mill-fondi biex jirranġa l-villa tiegħu f’Tal-Virtu biex jospita lill-Papa għal-lejl.

The Shift, qalu li l-mistoqsijiet tagħhom mibgħuta lill-Kurja ma ġewx imwieġba. Minflok, kelliem għall-Arċidjoċesi qal li “kwalunkwe inkjesta dwar vetturi użati mid-delegazzjoni tas-Santa Sede, jew dwar il-mandat tan-Nunzju Appostoliku, għandha tkun diretta lin-Nunzjatura u/jew lill-uffiċċju tal-istampa tas-Santa Sede.”

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks