Select Page

Wara li nhar il-Ħadd li għadda beda l-proċess sabiex il-Partit Nazzjonalista jeleġġi l-kap tiegħu, aktar kmieni llum, Bernard Grech issottometta l-espressjoni ta’ interess għall-kariga ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista Peter Fenech.

Dan qed jiġri għaliex skont l-istatut tal-Partit Nazzjonalista, meta jkun hemm telfa, trid issir elezzjoni mill-ġdid, miftuħa u trasparenti, għall-kariga ta’ kap.

L-istadji ta’ dan il-proċess huma tlieta. L-ewwel ikun hemm id-dikjarazzjoni ta’ interess ta’ dawk il-persuni li jkunu jridu jitfgħu n-nomina tagħhom għal din il-kariga. Imbagħad wara jsir il-proċess ta’ due diligence fejn in-nominazzjonijiet ikunu approvati mill-Kummissjoni Kandidati. U fl-aħħar stadju, jinfetħu n-nomini.

Skont l-istatut, f’każ ta’ kandidat wieħed, il-vot jittieħed fil-Kunsill Ġenerali, f’każ ta’ żewġ kandidati l-vot jittieħed fil-Konvenzjoni Ġenerali tat-tesserati, u f’każ ta’ tliet kandidati jew aktar l-ewwel jittieħed vot fil-Kunsill Ġenerali, sabiex l-aktar żewġ kandidati li jġibu voti imbagħad jitressqu għal vot quddiem il-Konvenzjoni Ġenerali. L-istadju tad-dikarazzjoni ta’ interess jibqa’ miftuħ sas-Sibt 30 ta’ April.

Bernard Grech qal li se jkun qed jagħmel dan b’determinazzjoni li jerġa’ jġib lill-Partit Nazzjonalista wieħed rebbieħ u katalist tal-bidla f’dan il-pajjiż.

“Dan nistgħu nagħmluh biss bid-deċiżjonijiet li nistgħu nieħdu lkoll flimkien.”

Bernard Grech

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks