Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li l-Ewropa ma tibżax mir-Russja u mhix se tiġi rikattata.

Dan wara d-deċiżjoni tal-Kremlin li jaqta’ l-provvisti tal-gass lil żewġ stati membri tal-UE

F’post fuq il-midja soċjali tagħha, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li din id-deċiżjoni hija eskalazzjoni kkalkulata tal-invażjoni illegali, mhux ġustifikata u kriminali tiegħu fl-Ukrajna u li tikkonferma li għall-Kremlin, l-enerġija dejjem kienet għodda politika biex teżerċita influwenza.

Hija għal darb’oħra reġgħet saħqet dwar l-importanza li l-Ewropa trid tkun kapaċi tħaddem l-industriji tal-enerġija mingħajr ma tiddependi fuq il-Kremlin.

Saħqet li wasal iż-żmien li l-Ewropa tingħaqad flimkien u tinvesti mill-ġdid f’enerġiji rinnovabbli, diversifikazzjoni tal-ħtiġijiet tal-enerġija, sanzjonijiet ulterjuri u aktar profondi fuq ir-Russja filwaqt li żżid l-appoġġ għall-Ukrajna.


Metsola qalet li r-Russja ma tistax tkun kemm membru ta’ fiduċja tal-komunità internazzjonali kif ukoll aggressur li jwettaq reati tal-gwerra.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks