Select Page

Il-President Russu Vladimir Putin wissa li kwalunkwe pajjiż li jipprova jintervjeni fil-gwerra tal-Ukrajna se jiffaċċja riperkussjonijiet serji.

Huwa hedded li r-Russja għandha armi li m’għandu ħadd u li dawn se jintużaw jekk ikun hemm bżonn, b’referenza għall-missili ballistiċi u l-armi nukleari.

L-alleati tal-Ukrajna żiedu l-provvista tal-armi, bl-Istati Uniti wegħdu li se tiżgura li l-Ukrajna tegħleb lir-Russja.

Uffiċjali tal-Punent qalu li r-Russja qed tiġi mxekkla fl-isforzi tagħha fil-Lvant.

Il-ġimgħa li għaddiet, ir-Russja nediet offensiva kbira biex taħtaf ir-reġjun ta’ Donbas wara li rtirat minn żoni madwar il-kapitali Kyiv.

Iżda skont uffiċjal, il-forzi Russi qed isibuha diffiċli biex jegħlbu r-reżistenza qawwija tal-Ukrajna.

Fi żvilupp ieħor, il-Kummissjoni Ewropea akkużat lir-Russja b’rikatt wara li Moska qatgħet l-esportazzjoni tal-gass lejn il-Polonja u l-Bulgarija.

Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen qalet li din id-deċiżjoni wriet in-nuqqas ta’ affidabilità tar-Russja bħala fornitur.

Il-Kremlin qal li r-Russja kienet imġiegħla tieħu din id-deċiżjoni minħabba l-azzjonijiet u l-pożizzjoni tan-nazzjonijiet tal-Punent fil-konfront tagħhom.

Il-qtugħ ta’ Gazprom isegwi r-rifjut tal-Polonja u l-Bulgarija li jħallsu għall-gass f’rubli Russi, talba li saret mill-President Vladimir Putin f’Marzu, li kienet imfassla biex issaħħaħ il-munita li qed tbatti riżultat tas-sanzjonijiet tal-Punent.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks