Stampa li bdiet tiċċirkola fuq il-midja soċjali f’dawn l-aħħar jiem, li turi avviż kemxejn partikolari, qajmet kontroversja u diversi reazzjonijiet.

Fl-avviż, dawk li għandhom il-klieb qed jiġu mitluba biex waqt it-tberik, iżommu l-klieb taħt kontroll, ma jħalluhomx jiġru madwar id-dar u jżommuhom maqfulin f’kamra għaliex inkella l-qassis ma jkunx jista’ jidħol.

Bosta jaħsbu li dan l-avviż mhuwiex ġust għaliex skont huma, ħadd m’għandu dritt jobbliga lil ħadd x’jagħmel f’daru speċjalment dwar dawk li għal ħafna huma meqjusa bħala membri tal-familja. Għal din ir-raġuni u diversi raġunijiet oħrajn, bosta sostnew li jippreferu ma jbirkux milli jagħmlu dan.

Oħrajn jaħsbu li m’hemm xejn ħażin li wieħed jaqfel il-klieb tiegħu għal ftit ħin waqt it-tberik, speċjalment jekk ir-raġuni għal dan l-avviż ġejja mill-possibilità li l-qassis jibża’ mill-klieb.

Uħud qalu li dan jista’ jiġri għal kwalunkwe persuna li tidħol f’dar ta’ xi ħadd li jkollu l-klieb, inkluż ħaddiema u persuni oħrajn li jagħtu servizz. Għaldaqstant staqsew għaliex xi wħud isibu problema li jaqgħu l-klieb għal ftit ħin waqt it-tberik u ma jsibux problema li jagħmluha għal persuni oħrajn f’ċirkostanzi differenti.

Int x’taħseb dwar dan?

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks