L-attriċi Angelina Jolie, li hija wkoll rappreżentanta tan-Nazzjonijiet Uniti għar-refuġjati, żaret boarding school u istituzzjoni medika fil-belt ta’ Lviv, fil-punent tal-Ukrajna, skont Maksym Kozytskyy, il-kap tal-amministrazzjoni militari reġjonali ta’ Lviv.
Huwa qal li f”waħda mill-istituzzjonijiet mediċi, hija żaret tfal li sofrew minn attakk ta’ missili mill-militar Russu fuq l-istazzjon tal-ferrovija ta’ Kramatorsk u kienet kommossa ħafna bl-istejjer tagħhom.
Qal ukoll li meta żaret il-boarding school fir-reġjun, Jolie wegħdet li terġa’ tmur.
Angelina Jolie tkellmet mal-voluntiera li jipprovdu assistenza medika u psikoloġika fl-Istazzjon tal-Ferrovija Prinċipali fi Lviv u rringrazzjathom għax-xogħol tagħhom.
Kozytskyy stqarr li din iż-żjara kienet sorpriża għalihom.
Huwa mifhum li Angelina Jolie qed tivvjaġġa lejn ir-reġjun minn jeddha u l-UNHCR m’għandha l-ebda involviment f’din iż-żjara.
Iktar kmieni s-Sibt, Jolie ħadet ritratt waqt li kienet qed iżżur ħanut tal-kafè fi Lviv.
