Cristiano Ronaldo qasam ritratt tiegħu jżomm lil bintu tat-twelid, inqas minn ġimgħatejn wara li miet ħuha t-tewmi.
L-attakkant ta’ Manchester United u s-sieħba tiegħu Georgina Rodriguez, ta’ 28 sena, ħabbru li binhom kien miet mat-twelid fit-18 ta’ April, iżda oħtu t-tewmija baqgħet ħajja.
Ronaldo, ta’ 37 sena, li diġà għandu tifla ta’ 4 snin ma’ Rodriguez, kif ukoll tlett itfal oħra, tella’ ritratt iswed u abjad fuq Instagram tiegħu mingħajr flokk waqt li jgeddes miegħu lit-tarbija.

Ir-ritratt kien akkumpanjat bit-titlu “Forever Love” u kellha wkoll emoji ta’ qalb.
It-tarbija dehret liebsa skufja, li wassal biex ħafna mis-segwaċi ta’ Ronaldo wieġbu bi qlub ħomor.
Il-koppja għadha ma żvelatx l-isem li għażlu għat-tifla ċkejkna tagħhom.
