Select Page

Il-Papa Franġisku qal li mhux se jżur l-Ukrajna għalissa, iżda jixtieq jiltaqa’ ma’ Vladimir Putin f’Moska jekk il-President Russu jkun lest.

F’intervista mal-gazzetta Taljana Corriere della Sera, ippubblikata fit-3 ta’ Mejju, il-Papa qal li talab lis-Segretarju tal-Istat, il-Kardinal Pietro Parolin wara 20 jum mill-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukrajna biex iwassal il-messaġġ lil Putin li kien lest li jiltaqa’ miegħu f’ Moska.

“Għad ma kellniex tweġiba u għadna ninsistu, anke jekk nibża’ li Putin ma jistax u ma jridx jagħmel din il-laqgħa bħalissa,” qal il-Papa.

Il-Papa Franġisku qal li qabel iżur l-Ukrajna, iħoss li l-ewwel għandu jiltaqa’ ma’ Putin.

Il-Papa fakkar li wara li r-Russja nediet l-invażjoni fl-Ukrajna fl-24 ta’ Frar, tkellem fuq it-telefon mal-president tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy.

Fl-intervista, il-Papa Franġisku rrifletta wkoll dwar jekk dikjarazzjonijiet li saru min-NATO lejn ir-Russja qajmux reazzjoni agħar minn Putin. Huwa qal l li mhux se jgħid li Putin kien “provokat” mid-dikjarazzjonijiet tan-NATO, iżda li forsi inkoraġġewh aktar.

Il-Papa qabbel is-sitwazzjoni fl-Ukrajna mal-ġenoċidju tar-Rwanda tal-1994.

Il-Papa Franġisku tkellem ukoll dwar it-telefonata tiegħu, permezz ta’ video conference, mal-kap tal-Knisja Ortodossa Russa f’Marzu. Huwa qal li fl-ewwel nofs tal-konversazzjoni ta’ 40 minuta, il-Patrijarka Kirill ta’ Moska u r-Russja Kollha semmielu l-ġustifikazzjonijiet kollha għall-gwerra.

Wara li sema’ x’kellu xi jgħid il-Papa rrakkonta kif lill-Patrijarka Kirill qallu li ma jifhimx il-ġustifikazzjonijiet li semma. “Aħna m’aħniex kleriki tal-istat, ma nistgħux nużaw il-lingwa tal-politika, imma l-lingwa ta’ Ġesù. Aħna ragħajja tal-istess poplu qaddis ta’ Alla. Għalhekk irridu nfittxu modi ta’ paċi, biex inwaqqfu n-nar tal-armi.”

Il-Papa kellu laqgħa skedata miegħu f’Ġerusalemm fl-14 ta’ Ġunju. Din kienet tkun it-tieni laqgħa tagħhom wiċċ imb’wiċċ, u għalkemm li l-laqgħa ma kellha xejn x’taqsam mal-gwerra, il-Papa Franġisku ħass li fiċ-ċirkostanzi tal-mument, il-laqgħa kellha tiġi kkanċellata.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks