Select Page

Ilbieraħ, Jason Azzopardi iddikjara li ta r-riżenja tiegħu minn membru tal-Partit Nazzjonalista lis-Segretarju Ġenerali tal-PN.

Huwa żvela dan permezz ta’ post li tella’ fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu fejn fl-istess post, b’mod dettaljat spjega dwar ikla li saret fl-ewwel jiem ta’ Diċembru 2021, fejn skont hu, il-Kap tal-PN Bernard Grech iltaqa’ ma’ numru żgħir ta’ negozjanti, li fosthom kien hemm żewġt negozjanti irġiel, it-tnejn qraba mill-viċin ta’ persuna li tinsab għaddejja proċeduri kriminali b’konnessjoni ma’ assassinju.

Azzopardi qal li f’din il-laqgħa kien hemm ukoll preżenti kuntrattur u sid ta’ negozju kbir ta’ appliances. Huwa stqarr li dawn iż-żewġt iqraba tal-persuna akkużata li kienu preżenti mhumiex parti min-negozju tat-Tumas Group.

L-eks deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi żied jgħid li f’din l-ikla, il-Kap tal-PN ingħata donazzjoni ta’ flus għall-maratona ġbir ta’ fondi tal-PN li saret ftit jiem biss wara.

Semma wkoll li ġie infurmat li qabel ma bdiet din l-ikla, il-Kap tal-PN ittieħed fil-ġenb minn dawn iż-żewġt iqraba li semmewlu s-suġġett ta’ proklama għal dan l-akkużat. Is-sorsi li tkellmu ma’ Jason Azzopardi qalulu li l-Kap tal-PN ta assigurazzjoni li kieku kellu jkun Prim Ministru kien ikun dispost jirrakkomanda l-għoti tal-proklama f’dan il-każ.

Jason qal li jaf ukoll li n-negozjant li jbigħ l-appliances li kien preżenti, ismu jibda bl-“O” qal lil Kap tal-PN, waqt l-istess ikla, li ma kienx se jivvota lill-Partit Nazzjonalista sakemm ikun hemm Jason Azzopardi.

Skont Jason, it-tweġiba li l-Kap tal-PN tah kienet: “inti kellimni wara l-elezzjoni.”

Filwaqt li sostna li ma jistax jikxef is-sorsi għal raġunijiet li ma jistax jesprimi pubblikament, Jason qal li dan kollu sar jafu minn tliet sorsi differenti li għandhom aċċess dirett għal min ħa sehem fl-ikla, għaż-żewġt iqraba u għan-negozjant.

Saħaq li hu tahom il-kelma li jipproteġi l-kunfidenzjalità u hekk se jagħmel, jiġri x’jiġri.

Azzopardi fakkar li f’okkażjonijiet differenti fl-2021, il-Kap tal-PN pubblikament esprima l-fehma li dan l-akkużat għandu jingħata l-proklama, xi ħaġa li hu ma jaqbilx magħha u kien ukoll esprimi ruħu dwar dan.

Għal Jason, din mhix imġiba aċċettabbli. Fil-fehma tiegħu, il-politiċi kollha għandhom joqogħdu attenti li ma jagħmlu xejn li jista’ jagħti l-impressjoni li lesti jagħmlu kompromessi ma’ mafjużi. Huwa qal li għall-kriminali, l-unika udjenza li jista’ jkollhom hi l-qrati, mhux il-Partiti. Agħar minn hekk, tingħata l-impressjoni li l-ħtieġa tal-partiti li jiġbru l-flus mingħand min jiflaħ iħallas tagħti xi aċċess preferenzjali lill-kriminali sinjuri, żied jgħid Jason.

Huwa qal li l-Kap tal-PN biss jaf jekk id-deċiżjoni tiegħu li pubblikament jargumenta favur il-proklama għal dan l-individwu kinitx riżultat ta’ donazzjonijiet li ngħata jew iż-żewġ affarijiet humiex separati u m’għandhomx x’jaqsmu.

Jason sostna li internament kien ikkritika kif iż-żewġ affarijiet, l-assigurazzjoni lill-qraba tal-akkużat, u d-dikjarazzjoni pubblika favur il-Proklama, ikkonfermaw il-vulnerabbiltà tal-politika għall-indħil tal-kriminali.

Żied jgħid li minflok illimita ruħu għall-kritika interna, għamel il-kritika b’mod pubbliku meta skont Jason, l-isforz ta’ ħafna xhur biex jiġi eskluż mill-PN laħaq il-qofol tiegħu meta l-Kap tal-PN iddikjara jew implika pubblikament li Jason Azzopardi huwa “skadut”. B’referenza għad-diskors li Bernard Grech qal f’intervista, li kulħadd għandu expiry date fil-politika, inkluż hu

Skont Jason, b’dik l-istqarrija sar ċar għal kulħadd li l-PN ma jridx iħalli aktar spazju lil min għalih id-distanza bejn il-politika u min juża flusu biex jixtri privileġġi ‘l fuq mil-liġi hu prinċipju li miegħu ma jsirux kompromessi u allura ma baqgħetx possibbli għalih li jagħmel kritika interna.

Jason Azzopardi qal li b’qalbu maqsuma, jirrikonoxxi għal kollox x’ried ifisser il-Kap tal-PN meta qal li Jason u allura min jifhimha bħalu hu skadut u eskluż mill-Partit Nazzjonalista.

Żied jgħid li bi kliemu u għemilu, Bernard Grech għamlu orfni politiku, u stqarr li llum qed jifhem ħafna li dawk li jgħidu li m’għadhomx jagħrfu l-PN, il-Partit li kienu jgħożżu u li issa rendihom orfni politiċi.

Huwa sostna li bid-deċiżjoni li ħa, se jevita lin-nies ta’ rieda tajba fil-PN, li saħaq li hemm ħafna nies ta’ rieda tajba, il-proċess skabruż li jgħadduh ġuri għall-fehmiet tiegħu u minflok iddeċieda li jirriżenja mill-PN.

Jason issieħeb fil-PN meta kellu biss 17-il sena u stqarr li qatt ma ħaseb li kien se jasal jagħmel din l-azzjoni.

“Minn dakinhar tajt ħajti għall-missjoni tal-PN, servejt, mhux mingħajr żbalji, fir-rwoli, karigi u uffiċċji differenti, imma żgur mingħajr qatt ma fittixt l-interess personali, u rajt li l-politika tkun hemm biex taqdi lil kulħadd mhux lil min, għax għandu ħafna flus, jara li l-liġi tinkiteb jew titħaddem biex taqdi lilu”

Jason Azzopardi

Minkejja li ammetta li żbalji u difetti kellu u għad għandu, huwa qal li l-integrità tiegħu baqgħet mhux mimsusa. “La qatt kont għall-bejgħ u lanqas ħa nħalli lil min ibigħni.”

Żied jgħid li minkejja li skont Bernard Grech hu skadut, se jżomm sod mal-valuri tiegħu u li sa ftit ilu kienu tal-PN, “li l-ġustizzja trid issir u li kulħadd hu l-istess quddiem il-liġi irrispettivament minn kemm għandu flus u aċċess għall-politiċi.”

Fl-istess waqt, esprima t-tama li l-PN u l-Kap tiegħu jirrikonoxxu li f’dan l-episodju seħħew żbalji serji li jridu jiġu indirizzati u qatt ripetuti.

Ikkonkluda billi qal li kull min fil-politika ġenwinament jistinka għall-ġustizzja, dejjem se jsib l-appoġġ tiegħu, hu min hu u ġej minn fejn ġej.

Fl-aħħarnett Jason Azzopardi qal li jittama li ħadd ma jgħaddi minn dak li jien għadda minnu fl-aħħar xhur.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks