Aħwa Ġermaniżi li jsostnu li wara li mietet ommhom saru jinħabbu b’mod ferm differenti minn dik ta’ aħwa, u kellhom erbat itfal ilhom snin jappellaw biex jinbidlu l-liġijiet li jipprojbixxu relazzjoni bħal tagħhom.

Patrick Stuebing ta’ 44 sena minn Leipzig ġie adottat meta kien tifel u ma ltaqax ma’ oħtu ż-żgħira, Susan Karolewski ta’ 37 sena, sakemm irnexxielu jsib lill-familja bioloġika tiegħu meta kellu fuq l-għoxrin sena.

Sitt xhur wara li mietet l-omm bioloġika tagħhom, il-koppja, li dak iż-żmien kellhom 16 u 23 sena, iddeskrivew kif ir-relazzjoni tagħhom inbidlet f’waħda sesswali.

Il-koppja kellha erbat itfal, li tnejn minnhom huma b’diżabilità severa, b’Patrick jiskonta żewġ sentenzi ta’ ħabs wara li nstab ħati ta’ inċest.

Din il-koppja qajmet kontroversja fil-midja meta r-relazzjoni tagħhom ħarġet fil-pubbliku fl-2001. Minn hemm bdiet il-ġlieda tagħhom biex jikkontestaw il-liġijiet tal-inċest tal-Ġermanja li jagħmlu s-sess bejn l-aħwa illegali.

Fl-2012 Patrick appella lill-Qorti tad-Drittijiet tal-Bniedem biex jissiġilla l-unjoni tagħhom billi sostna li hu u Susan kellhom dritt għall-ħajja tal-familja.

F’dak iż-żmien Patrick qal li ma jħossuhomx ħatja ta’ dak li ġara bejniethom u li jridu li titneħħa l-liġi li tagħmel l-inċest reat.

Patrick twieled f’familja li ma kinitx f’qagħda tajba, fl-1977 f’Leipzig u kien wieħed minn tmint itfal.

Ta’ tliet snin, ġie ffosterjat wara li kien attakkat b’sikkina minn missieru li kien alkoħoliku.

Huwa ġie adottat ta’ 7 snin kważi 100 mil bogħod fil-belt ta’ Portsdam.

Oħtu, Susan, twieldet fl-1984, dakinhar li ġie ffinalizzat id-divorzju tal-ġenituri tagħhom.

Susan, li għandha diżabbiltà mentali, trabbiet fl-istess dar abbużiva u ma tantx kellha edukazzjoni, bilkemm kienet kapaċi taqra u tikteb.

Uħud mis-sitt aħwa mietu wara li twieldu b’diżabilità, filwaqt li ieħor miet b’inċident ta’ 7 snin.

Sa Ottubru tal-2001, Susan ħarġet tqila bl-ewwel wild tagħhom u welldet tifel li rriżulta li kellu diżabilità severa.

Infermiera li ssuspettat fin-natura tar-relazzjoni tagħhom, ikkuntattjat lill-pulizija Ġermaniża qabel Patrick weħel sena ħabs sospiża għall-inċest u Susan, ta’ 17-il sena, li kienet għadha meqjusa bħala minorenni, tpoġġiet f’istituzzjoni għall-kura.

Il-koppja komplew jiltaqgħu bil-moħbi u kellhom tlett itfal oħra, waħda minnhom twieldet b’diżabilità wkoll.

Patrick weħel ħabs għal għaxar xhur għat-tieni kundanna tiegħu ta’ inċest u mbagħad għal sentejn u nofs oħra wara li nstab ħati għat-tielet darba.

Il-koppja ċaħdet li wliedhom twieldu b’diżabilità minħabba n-natura tar-relazzjoni tagħhom.

Meta tkellem fl-2007, Patrick qal li l-fatt li tnejn minn uliedhom huma b’diżabilità, mhux bilfors għandu x’jaqsam mal-fatt li huma aħwa. Huwa rrimarka li hemm persuni b’diżabilità fil-familja tagħhom u li kellhom sitt aħwa li f’xi każijiet ma baqgħux ħajjin minħabba li kienu b’diżabilità.

Waqt li Patrick kien il-ħabs, Susan kienet qalet lill-ġurnalisti li ma setgħetx tgħix mingħajru, minkejja li sadanittant kellha l-ħames wild ma’ raġel ieħor.

Madanakollu, l-omm ta’ ħamest itfal ċediet id-drittijiet tagħha tat-tifel u mar jgħix ma’ missieru.

Patrick għadda minn vasectomy fl-2004 u pprova jibdel il-liġi Ġermaniża li għamlet l-inċest illegali fi sforz biex ma jerġax jintbagħat il-ħabs.

Iżda fl-2008 Il-Qorti Kostituzzjonali Federali tal-Ġermanja kkonfermat il-liġi u ċaħdet l-appell tiegħu.

Fl-2012 Patrick appella wkoll quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, fejn qal li l-koppja kellha dritt għall-ħajja tal-familja u għall-privatezza.

Għal darb’oħra l-appell ġie miċħud wara li l-qorti emmnet li l-koppja kienet ġiet ittrattata b’mod ġust mill-awtoritajiet Ġermaniżi.

Huma baqgħu jsostnu li mhumiex se jħallu xejn iżommhom ‘il bogħod minn xulxin.

Huwa maħsub li l-koppja għadhom jgħixu flimkien fil-Lvant tal-Ġermanja, fejn il-liġi għadha li l-inċest bejn l-aħwa huwa illegali.

Huwa wkoll illegali fir-Renju Unit u wieħed jista’ jeħel għomor il-ħabs.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks