Għandi ħbieb li jgħidu li “jgħixu” fil-kamra tas-sodda.
Saħansitra għandhom sink ckejken, hotplate, u magna tal-kafè biex kemm jista’ jkun jibqgħu mgeddsin hemmhekk.
Meta tmur tarahom, jew jistħu, u jdaħħluk fil-kċina jew fis-salott, jew, jekk tkun “ta’ ġewwa”, jistednuk tidħol f’din l-imbierka kamra, u jkollok tpoġġi fit-tarf tas-sodda, għax iż-żewġ siġġijiet li jkun hemm, ikunu mburġati bil-ħwejjeġ u biex inkunu għidna kollox, donnhom ma jxommux ir-riħa qarsa li jkun hemm fl-arja.
Dawn, ovvjament, għandhom ukoll kompjuter, televixin, telefon, armarju mimli ikel u xorb, skrivanija, gwardarobba, armarju, friġġ zgħira, xkaffa mżaqqa daqskemm hemm kotba fuqha, fann, heater, magna tal-ħjata, u forsi dehumidifier, ukoll.
Kull meta jfettlilhom, jaqbdu fliskatur, jimlewh bil-maggijiet u platti maħmuġin, u jaħsluhom, sakemm iddur load ħwejjeġ. Imbagħad, lura lejn il-ħajja l-antika.
Issa jien mhux qed nitkellem fuq studio flats, jew kmamar tas-sodda daqs sala; iżda kmamar ta’ qisien normali, fejn is-sodda tkun imrekkna mal-hajt u biex tgħaddi sat-tieqa biex tħares ‘l barra, trid tgħaddi mġenba. Fi ftit kliem, qisha ħanut tar-regettier, li eżatt kif ibiegħ siġġu, xi ħadd iġiblu tlieta oħra.
Issa jekk aħna inzertajna dawn in-nies, u mhux dawk li jiġu jarawhom, ta’ min naħsbu dwar jekk forsi wasalx iż-żmien li xi affarijiet żgħar jinbidlu. Imma mhux lakemm taqbad nofs tużżana kaxxi u titfa’ kollox fihom u tibgħat kollox liċ-Charity Shop.
Ma ninsewx li din il-kamra, għalina, hija żvog u santwarju, u fiha nħossuna protetti. X’aktarx li qalbna tkun marbuta mal-affaijiet li nkunu geddisna matul is-snin; u forsi l-flokk li ilu ħames snin jistenna biex jissewwa, għandu marbutin memorji sbieħ.
Imma forsi, jekk nistaqsu lilna nfusna dawn it-tużżana mistoqsijiet li ġejjin, bil-mod il-mod, naslu biex nagħmlu t-tibdiliet li meta jsiru, naraw kemm swew.
- Għandek ħwejjeġ li ilek iżjed minn sena ma tilbishom?
- Għandek platti bl-ikel magħqud fuqhom, u tazzi maħmuġin?
- Għandek xejn għanqbut, kamla, u kokroċ ‘l hawn u ‘l hinn?
- Għandek xi kaxxi taħt is-sodda?
- Ġieli ħbatt ma’ xi ħaġa fid-dlam?
- Ilek ma tiknes, għax hemm wisq affarijiet mal-art?
- Ilek xejn ma tbiddilhom il-lożor u l-purtieri?
- It-tapit għadu l-istess kulur li kien meta xtrajtu?
- Qabel ma torqod, trid tneħħi l-affarijiet minn fuq is-sodda?
- Tista’ tagħlaqhom il-bibien u l-kxaxen tal-armarji u l-gwardarobba?
- Tista’ tara barra mil-ħġieġ tat-tieqa?
- Tista’ tgħaddi minn fejn trid fil-kamra, bla ma tiġġenneb?
Jekk weġibt “iva” għal sitta jew iżjed minn dawn il-mistoqsijiet, forsi wasal iż-żmien li tirranġa s-sitwazzjoni.

Kittieba
Ġurnalista
Opinjonista