Select Page

Fl-aħħar sigħat, il-Papa Franġisku deher juża siġġu tar-roti, l-ewwel darba li uża wieħed fil-pubbliku minħabba l-uġigħ fl-irkoppa li jagħmilha diffiċli ħafna għalih biex jimxi u joqgħod bilwieqfa.

Il-Papa Franġisku ta’ 85 sena, ittella’ bir-roti fuq il-palk u ġie mgħejjun biex ipoġġi fuq siġġu waqt udjenza ma’ grupp ta’ sorijiet u superjuri reliġjużi minn madwar id-dinja fil-Vatikan.

Huwa kien qed isofri uġigħ fl-irkoppa li jidher li ġie kkawżat minn flare-up ta’ xjatika, kundizzjoni tan-nervituri li tikkawża uġigħ f’saqajh.

Il-Papa kellu jħassar jew jaqta’ fil-qasir attivitajiet diversi drabi fl-aħħar xahar minħabba uġigħ f’irkopptu tal-lemin.

Huwa kien deher juża siġġu tar-roti f’Lulju li għadda wara operazzjoni serja fl-imsaren, iżda huwa maħsub li din hija l-ewwel darba li uża wieħed fil-pubbliku minħabba l-problemi ta’ mobilità tiegħu.

Qabel l-attività tal-Ħamis, huwa seta’ jimxi bejn wieħed u ieħor madwar 10 metri, mid-daħla tal-ġenb tal-palk sas-siġġu tiegħu b’xi għajnuna.

Dan l-aħħar ħa xi injezzjonijiet biex jipprova jtaffi l-uġigħ iżda xorta waħda baqa’ jiffaċċja diffikultà biex jimxi.

Id-diffikultà fil-movimenti tiegħu kien jidher matul l-Għid meta attenda iżda ma ħax ħsieb il-quddies fil-Bażilika ta’ San Pietru, minflok iddelega kardinal jew arċisqof biex jippresiedi.

Waqt iż-żjara tiegħu f’Malta, f’April li għadda huwa uża lift biex jitla’ u jinżel mill-ajruplan.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks