Nitkellmu mal-Eċċellenza Marie Louise Coleiro Preca dwar l-għan tal-Malta Trust Foundation u d-differenza li tagħmel permezz tal-proġetti li twettaq, kif ukoll dwar x’nistgħu nagħmlu aħna biex nagħtu s-sehem tagħna.
Eċċellenza Marie Louise Coleiro, meta u għaliex ġiet imwaqqfa l-Malta Trust Foundation?
Il-Malta Trust Foundation ġiet imwaqqfa fl-2015. Ġiet imwaqqfa biex tindirizza spazji fis-sistemi li ċerti komunitajiet ta’ tfal u żgħażagħ jaqgħu barra s-sistemi, bi programmi u proġetti ta’ empowerment, edukazzjoni u parteċipazzjoni, biex joħorġu miċ-ċirki ta’ żvantaġġ u vulnerabilità.
Xi jfisser għalik li tmexxi fondazzjoni bħal din?
Huwa sodisfazzjon kbir li nara alleanzi u sħubija permezz ta’ network kbir ta’ professjonisti, prattikanti, akkademiċi, membri tal-komunità tan-negozju, fondazzjonijiet u organizazzjonijiet, soċjetà ċivili, voluntiera, tfal u żgħażagħ.
Kemm hu importanti li jkollna soċjetà inklussiva?
Jekk ma nħaddnux soċjetà inklussiva u li rridu naħdmu kuljum biex nassigurawha, qatt ma nistgħu niksbu l-iżvilupp soċjo-ekonomiku meħtieġ. Inkunu wkoll qed ninjoraw ir-responsabilità bħala poplu, awtorità u stat, id-drittijiet umani fundamentali.
X’sehem għandha l-Malta Trust Foundation fil-ħidma għal soċjetà aktar inklussiva?
Il-Fondazzjoni tenfasizza x-xogħol tagħha fuq it-tfal u ż-żgħażagħ. Nemmnu ħafna li hemm bżonn nemmnu fit-tfal kollha, kollha, kollha. Nemmnu ħafna li kull tifel u tifla għandhom potenzjal iżda kollha kollha għandhom bzonn l-aċċess għar-riżorsi meħtieġa. Il-fondazzjoni għandha 15-il proġett li huma kollha marbutin ma’ empowerment, edukazzjoni, inklużjoni u drittijiet umani, għaliex l-inkluzjoni hija intrinsikament marbuta mad-drittijiet umani.
Kif inhu l-proċess biex il-fondazzjoni twettaq il-proġetti?
Il-proġetti tagħna jitilqu minn ‘an evidence based approach’, biex nassiguraw li dak li nkunu qed inħarsu lejh huwa bżonnjuż. Nassiguraw li m’hemm l-ebda għaqda jew awtorità oħra li qed tagħmel l-istess xogħol, biex inkunu żguri li mhux nirreplikaw. M’aħniex interessati li nagħmlu dak li diġà jeżisti. Dak ikun ħela ta’ flus u enerġija. Malli proġett ikun approvat, nagħtu bidu għal kampanja ta’ fundraising minn funding streams differenti, fosthom CSR mill-Komunità tan-Negozju, Fondazzjonijiet u Organizazzjonijiet barranin, fondi Ewropej u oħrajn.
X’riċerka ssir qabel tibdew?
Qabel ma nibdew, infittxu li nkunu sostenibbli finanzjarjament, sabiex nassiguraw li l-proġett ikollu ħajja fit-tul. It-tim amministrattiv tal-fondazzjoni huwa mill-anqas. Il-volontarjat huwa kruċjali u dan sabiex il-fondi li niġbru jmorru jekk jista’ jkun fuq il-core business u d-delivery tas-servizz. Il-proġetti jibqgħu jiġu monitored u evalwati u ħafna drabi wara ċertu żmien nitolbu esperti anke mill-Università ta’ Malta sabiex nagħmlu l-evalwazzjoni tal-proġett u nkejlu r-riżultati. B’hekk nassiguraw li nkunu qed ninvestu tassew fil-bidliet li hemm bzonn.
Liem hu l-aktar proġett għal qalbek s’issa?
Kull proġett huwa għal qalbi għaliex kull proġett huwa maħsub li jindirizza l-iżvantaġġ, l-inugwaljanza u l-vulnerabilità. Kull proġett huwa marbut ma’ bini ta’ socjetà inklussiva u sostenibbli. Il-pedament li hija mibnija fuqha l-fondazzjoni u l-proġetti hemm ħarsien tad-drittijiet umani u l-bini ta’ kultura ta’ paċi u pożittiva.
X’inhu l-ikbar sodisfazzjon li tagħtik din il-fondazzjoni?
Li naraw il-ħajja ta’ tfal u ż-żgħażagħ żvantaġġjati tinbidel għal ħajja ta’ dinjità u sodisfazzjon.
Semmilna żewġ stejjer ta’ persuni li l-Malta Trust Foundation għamlet differenza f’ħajjithom.
Tifel ta’ 10 snin li qatt ma kien qal kelma qabel f’ħajtu u li qatt ma kkommunika ma’ ħadd, lanqas mal-ġenituri tiegħu, jasal biex jikteb ktieb, anzi issa tnejn, għaliex permezz ta’ apparat specjalizzat issa jista’ jikkomunika u jgħid u jikteb dak li jixtieq.

Tliet żgħażagħ Maltin li ġejjin minn background finanzjarju żvantaġġjat u li kkwalifikaw għal Scholarship barra minn Malta u li ingħatalhom mill-fondazzjoni, illum huma professjonisti bravi fis-settur li studjaw għalih.
Hemm ħafna aktar eżempji ta’ tfal u żgħażagħ li jferħuna u jagħtuna sodisfazzjon biex inkomplu naħdmu biex nagħmlu d-differenza.
X’għandu jagħmel kull min jiġi bżonn l-għajnuna tal-fondazzjoni?
Ma jiddejjaq xejn u jikkuntattjana fuq email: info@maltatrustfoundation.org jew jiġi l-uffiċċju tagħna, il-Furjana.
X’se jkun qed isir bil-fondi li jinġabru mill-maratona li se ssir għada s-Sibt, is-7 ta’ Mejju? Xi proġetti hemm ippjanati?
Se nkomplu nipprovdu apparat teknoloġiku specjalizzat biex tfal li ma jarawx u tfal fuq l-ispettru tal-awtiżmu u li ma jitkellmux ikunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom, jaċċessaw għall-informazzjoni u jikkommunikaw. Diġà investejna bis-saħħa tal-ġenerożità tal-poplu ta’ dawn il-gżejjer nofs miljun Ewro. Dan l-apparat jiswa ħafna flus, u jrid jibqa’ jiġi aġġornat skont il-livell edukattiv tat-tfal, iżda aħna konvinti li bl-għajnuna ta’ kulħadd se nkunu nistgħu nassiguraw li l-ebda tifel u tifla f’dan il-pajjiż ma jkunu f’qagħda li ma jistgħux jiżviluppaw il-potenzjal sħiħ tagħhom.
X’messaġġ tgħaddi lil min qed jaqra din l-intervista?
Kull tifel u tifla, għandhom il-potenzjal li jimxu ‘l quddiem f’ħajjithom sakemm kull wieħed u waħda minna jkollna r-riżorsi u l-faċilitajiet ta’ appoġġ li l-individwi kollha għandhom bżonn. Aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar nemmen li Alla ħalaq lil kulħadd b’ħiliet u abbilitajiet, u li kulħadd għandu l-potenzjal li jimxi ‘l quddiem, jekk is-soċjetà tagħna jibqa’ jimpurtaha mill-għajrha.
Dan m’iniex ngħidu mill-kotba u r-riċerka biss, iżda fuq kollox mill-evidenza li l-Malta Trust Foundation, tmiss b’idejha kuljum, mill-esperjenzi ta’ mijiet ta’ tfal u żgħażagħ. Ejjew bħala poplu ta’ dawn il-gżejjer naħdmu flimkien ħalli kulħadd jikseb id-dinjità li jixraqlu u nassiguraw li ħadd u ħadd ma jaqa’ lura. B’hekk mhux biss l-individwi jmorru ‘l quddiem iżda s-soċjetà kollha tagħna.
Għada s-Sibt, is-7 ta’ Mejju, maratona ġbir ta’ fondi, fuq l-istazzjonijiet lokali kollha, minn nofsinhar sa nofsillejl. Għat-tfal kollha, kollha, kollha.

Direttriċi u Editriċi