B’kollaborazzjoni ma’ Hades Events, fl-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ The Dark Malta Festival ġiet inkluża wkoll wirja tal-arti viżiva.
Il-parteċipanti f’din il-wirja huma Joseph Bugeja, Franco Navarro, u Sara Pace. It-tliet artisti ħadmu flimkien fuq tliet temi differenti li jaqblu mal-kunċett tal-Festival li kien fih gruppi ta’ rock bands Internazzjonali tal-Metal/Industrijali u Gotiku.

L-arti prodotta għal Dark Malta toffri t-temi li ġejjin, The Seven Deadly Sins ta’ Joseph Bugeja, Inferno ta’ Franco Navarro u l-Apocalypse ta’ Sara Pace.
It-tlieta kkollaboraw u qasmu ideat dwar il-kunċetti tagħhom sabiex joffru esperjenza artistika, iżda mudlama, lill-viżitaturi.

The Seven Deadly Sins ta’ Joseph jirrappreżentaw figura femminili li tissimbolizza lil Malta, u d-dnubiet u l-vizzji li jsiru fuq il-gżira mis-soċjetà. Filwaqt li x-xogħol ta’ Franco huwa ispirat minn Dante’s Hell u jieħu interpretazzjoni psikoloġika tal-poeżija. Sara se turi numru ta’ tpinġijiet bil-pinna u l-linka b’vizzji umani bħar-regħba u l-gluttony. Ix-xogħlijiet tagħha huma partikolarment konformi mal-avvenimenti kontemporanji permezz tal-pandemija u l-gwerra attwali fl-Ukrajna.
Essenzjalment it-tlieta qed jippruvaw juru vizzji umani, xi ħaġa tipika ħafna tal-mużika Goth u Metal mis-snin 70. Meta niġġudikaw mill-ġrajjiet kurrenti tad-dinja, mhix sorpriża li sentimenti negattivi bħal dawn, ibbażati fuq il-biża’ u l-ansjetajiet huma pjuttost assoċjati ma’ numru konsiderevoli ta’ nies, partikolarment fl-Ewropa ta’ Fuq. Madankollu, Malta, bis-sabiħ kollu tagħha, riesqa lejn dik id-direzzjoni wkoll.

Il-wirja, li hija kollaborazzjoni bejn DJ Hades, René Farrugia u t-tliet artisti, ġiet inawgurata minn Ramona Depares u se tibqa’ miftuħa sal-15 ta’ Mejju, fiċ-Ċentru tal-Volontarjat, ir-Rabat.
