Select Page

Żgur li kemm Sefora kif ukoll Diego huma uċuħ familjari magħkom is-segwaċi, għaliex minbarra li Sefora hija influencer, hija wkoll attivista favur id-drittijiet ta’ persuni li jgħixu bl-awtiżmu.

Fil-filmat, bi tbissima ta’ sodisfazzjon titkellem dwar il-fatt li Diego, li huwa awtistiku, illum il-ġurnata kapaċi jintroduċi lilu nnifsu bħala persuna li għandu l-awtiżmu. Filwaqt li enfasizzat li l-awtiżmu mhuwiex Diego, iżda huwa parti minnu.

Hi stqarret li trid tgħixha biex tkun taf kemm hi diffiċli, kemm għall-persuna nnifisha kif ukoll għal ta’ madwarha, speċjalment għall-ġenituri.

Sefora tgħid li Diego jfisser id-dinja għaliha u ma timmaġinaw ħajjitha mingħajru. Minkejja li jkun hemm mumenti li tgħeja, Diego jagħtiha lura mħabba kbira.

Hija qalet li l-fatt li tarah jikber u jimxi ‘l quddiem bil-pass tiegħu huwa sodisfazzjon, u kull pass li jagħmel, għalihom ifisser id-dinja.

Omm Diego stqarret li l-iktar ħaġa li tbeżżagħha hi meta tiġi nieqsa hi. Spjegat li bħalissa hi tipprova tipproteġih minn kollox u tmexxih fit-triq it-tajba, u l-biża’ tagħha hi li meta tiġi nieqsa hi, Diego jsib ruħu f’soċjetà li ma taċċettahx kif inhu u li meta jikber isibha diffiċli biex ikollu l-ħbieb.

Sefora qalet li hawn ħafna ġenituri li ma joħorġux lit-tfal tagħhom li jkunu bl-awtiżmu għax jibżgħu minn dak li se jgħidu n-nies, jibżgħu li se jħarsulhom bl-ikrah u li forsi t-tfal tagħhom mhux se jġibu ruħhom sew u allura se jdejqu lin-nies li jkun hemm. Hija saħqet li dan huwa żball kbir għaliex fl-opinjoni tagħha, aktar ma t-tfal ikollhom diffikultà jġibu ruħhom kif suppost fis-soċjetà, aktar trid toħroġhom.

“Jien ma rridx biss li s-soċjetà taċċetta lil Diego kif inhu, jien, l-iktar importanti, irrid lilu li jaċċetta lilu nnifsu kif inhu għax jekk int ma tħossokx tajjeb miegħek innifsek, mhux se tħossok tajjeb fis-soċjetà.”

Sefora – Omm Diego

Sefora semmiet li ħafna drabi, tfal li jkollhom l-awtiżmu ma jkunu jistgħu jesprimu xi jkunu qed iħossu u xi jridu. Sostniet li l-Malta Trust Foundation qed tagħmel xogħol inkredibbli għaliex l-apparat li jgħin lit-tfal jikkomunikaw u jesprimu ruħhom jiswa ħafna flus.

Il-fatt li jkollok dan l-apparat li permezz tiegħu t-tfal ikunu jistgħu jikkomunikaw u jesprimu l-bżonnijiet basiċi tagħhom tnaqqas ħafna frustrazzjoni li jgħixu kuljum ħafna tfal u l-ġenituri tagħhom u jagħti serħan il-moħħ.

Sefora u Diego jirrappreżentaw ħafna tfal u ġenituri oħrajn li jgħixu din il-ħajja kuljum.

Int tista’ tagħmel il-ħajja tagħhom inqas diffiċli!

Maratona ġbir ta’ fondi b’risq il-Malta Trust Foundation, illum, sa nofsillejl fuq l-istazzjonijiet lokali kollha.

Agħti d-donazzjoni tiegħek permezz ta’ dawn in-numri:

51802019 – €25
51902071 – €50
BOV Mobile App – 79520040

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks