Xtaqt kont werqa alka fuq wiċċ il-baħar. Kieku ħadd ma kien isibni. Ħadd ma kien iweġġagħni. Kont inkun bla emozzjonijiet. Kien ikun aktar faċli. Ħafna aktar faċli.
Imbagħad ftakart li kont għadni x-xogħol, erġajt ftaħt għajnejja, ħallejt il-viżta terġa’ toqgħod lura għad-dawl qawwi li kien dieħel mit-twieqi u erħejtilha b’ġirja waħda lejn il-lift.
Kont naf li kont qiegħda waħdi hawn fuq, għax dejjem jiena kont nitlaq lejn id-dar l-aħħar waħda. Dan ix-xogħol kien għal qalbi. U għalkemm kemm kien ilu li telaqni André kont waqajt lura f’ħafna oqsma, ix-xogħol kien jagħtini ċertu sens ta’ wens. Meta kont inkun qiegħda hawn, kont inħossni nehda fix-xogħol.
Malli nfetħu l-bibien tal-lift, dħalt niġri ġo fih qisni waħda tlaqt minn moħħi. Ħassejtni nieżla l-ħames sulari li kien hemm u sibt ruħi fl-apertura familjari tal-ħġieġ li kienet tieħdok ‘il barra.
“Ċaw għalikom…….” sellimt liż-żewġt irġiel li kienu appik biex jibdew jieħdu l-pensjoni u mingħajr ma tajthom ċans jibdew parlata bla sens tas-soltu li kienet tirrepeti ruħha kull filgħaxija, ħaffift lejn it-triq, inżomm il-basket f’idi u nkebbeb il-kowt eqreb lejja għall-irdoss.
Għalkemm kien diġà kważi Marzu, kien għadu qed jagħmel is-sirda u ħassejt ir-riħ frisk ta’ barra jmellisli wiċċi u jikxifli xagħri lura minn ma’ wiċċi.
Din il-parti tar-raħal kienet tkun mimlija nies, min għaddej jixtri, min sejjer passiġġata, min lesta mix-xogħol, min kien sejjer jiekol ikla mal-familja…………….u kulħadd għaddej b’ħajtu. U t-takkuna taż-żarbun tiegħi ma smajthiex ittakkan, bl-istorbju li kien hawn.
Dak il-ħin waqaft u dort inħares lura lejn il-bini fejn kont naħdem.
It-tabella kbira tal-azzar, il-ħġieġ modern li kien iżejjen dan il-bini ddisinjat mill-aqwa disinjaturi ta’ Malta u l-irtokki perfetti tal-faċċata, kienu jagħmluh bini distint u ta’ ċertu preġju.
Iżda bħalissa ftit kien jimpurtani minn dan.
F’dak il-preċiż mument, ħassejt qisu ħsieb jidħol f’moħħi.
Ħassejt li kont insejt xi ħaġa warajja. Hemm fuq. Ġo dak l-uffiċju.
Ġieli ġralkom hekk? Tħossu li tkunu insejtu xi ħaġa x-xogħol warajkom?
Kemmixt moħħi u bdejt ingerger minn taħt. Ressaqt il-basket li kelli mdendel ma’ kusi quddiem wiċċi u ftaħtu, ngħammex għajnejja bix-xemx li kienet għadha b’saħħitha. Bdejt ngħawwar idi ġo fih u ħriġt il-mobajl. Imbagħad il-portmoni mdaqqas, imbagħad iċ-ċavetta tad-dar.
“Fidila……..” għedt minn taħt, poġġejt kollox lura f’postu u tlaqt ‘l hemm, nimxi lejn il-parkeġġ ħalli noħroġ bil-mixi min-naħa ta’ wara u nkun eqreb lejn id-dar. Billi ma tantx kelli bogħod lejn l-appartament fejn kont noqgħod, kont niġi bil-mixi. Filgħodu ma tantx kont issib fejn tipparkja u l-parkeġġ kien ikun imbullat karozzi ta’ kull tip u lewn.

Ir-rakkont ikompli l-ġimgħa d-dieħla…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks