Fl-okkażjoni ta’ Jum l-Omm, nitkellmu ma’ Debbie Scerri u bintha Nicole

Debbie, x’tiftakar mill-mument li sirt taf li se tkun omm?

Meta għamilt it-test kont id-dar waħdi. Ovvjament ċempilt lir-raġel imma ma stajtx inżomm l-aħbar għalija allura mort inħabbat lill-ġara u fraħna flimkien.

X’differenza għamlet fil-ħajja tiegħek Nicole? X’bidliet għamel f’ħajtek ir-rwol ta’ omm?

Differenza kbira għaliex filli inti u r-raġel u m’għandekx rabitiet imma mbagħad il-prijorità tkun it-tarbija, mhux inti. Allura trid tadatta ruħek għal dan. Però jekk wieħed jippjana sew xorta jista’ jagħmel affarijiet oħrajn għaliex id-dinja mhux se tieqaf. Bħala bidliet, kien hemm bidliet għas-sabiħ, fejn inti qiegħed tikber u tesperjenza affarijiet ġodda flimkien mat-tarbija tiegħek.

Liem mill-memorji ta’ meta Nicole kienet żgħira l-iktar li tgħożż?

Kull perjodu kien fih is-sabiħ tiegħu, iżda l-iktar mumenti speċjali huma meta Nicole kellha madwar 3 snin u hi kienet takkumpanjani fi spettakli barra minn Malta u anke titla’ miegħi fuq il-palk.

Kif tiddeskrivu r-relazzjoni ta’ bejnietkom?

Tajba ħafna… apparti meta jkollna xi argument, imma malajr jgħaddielna! Naqblu f’ħafna affarijiet u nieħdu pjaċir bil-kumpanija ta’ xulxin.

Nicole, ġeneralment l-omm hija għażiża għal ħafna, iżda xi tfisser il-mamà għalik?

Il-mamà tfisser ħafna għalija. Hija persuna li dejjem uriet sapport lejja f’kull ħaġa li nagħmel u dejjem tinkoraġġini biex ma naqtax qalbi. Tispirani ħafna u vera nammiraha bħala persuna, inħobbha ħafna!

Kif tiddeskrivi l-karattru tal-mamà?

Il-mamà hija persuna dedikata ħafna f’dak li tagħmel. Hija persuna umli u dejjem iżżomm saqajha mal-art fi kwalunkwe sitwazzjoni. Dejjem tara l-aħjar fin-nies ta’ madwarha, iżda fl-istess ħin hija persuna onesta ħafna, għaliex jekk trid tgħid xi ħaġa mhux se tiddejjaq, allura nammira dik l-onestà fiha.

Bħala omm, stretta?

Ifhem, dejjem ikun hemm dawk il-mumenti fejn tkun daqsxejn stretta, partikolarment fejn jidħol it-tindif tad-dar. Iżda ma ngħidx li hija stretta għaliex issa kbirt ukoll u allura nirrispettaw lil xulxin u l-opinjonijiet ta’ xulxin bħala adulti.

Meta kont iżgħar, kien hemm xi darba fejn għamilt xi praspura u ddejjaqt tgħidilha?

Naħseb hemm żewġt ipraspuri li dejjem nibqa’ niftakar fejn vera iddejaqt ngħid lill-mamà. L-ewwel waħda kienet meta kelli xi 3 snin, qbadt il-kuluri u għamilt wiċċ kbir mal-ħajt, sempliċiment għax dejjaqni vojt! U t-tieni praspura kienet meta kelli madwar 9 snin, u l-mamà kienet twissini biex ma mmissx il-blade li tqaxxar biha, u jiena ta’ tifla kurjuża li kont qbadtha u għamilt linja dritta fuq saqajja. Allura tistgħu timmaġinaw kemm kont nidher tad-daħk bi strixxa lixxa bla suf f’nofs saqajja! Tgħidx kemm gergret miegħi meta ndunat!

Debbie, kif tiddeskrivi l-karattru ta’ Nicole?

Nicole hija persuna ferriħija u ottimista ħafna, altruista, u umli. Nicole tinkwieta ħafna għal ħaddieħor, speċjalment meta tara nies oħra qrib tagħha f’sitwazzjoni vulnerabbli u tagħmel minn kollox biex tgħinhom.

Hemm xi ħaġa li tixtiequ li titranġa għall-aħjar mill-karattru ta’ xulxin?

Ħadd m’hu perfett, però aħna nħobbu l-karattru ta xulxin!

Kif ikun il-ħin ta’ kwalità ideali għalikom?

Xi spa day sabiħa, inkantaw flimkien u ġurnata fejn il-baħar ovvjament!

Nicole, fiex l-aktar li tispirak il-mamà?

Kemm hi reżiljenti u kemm tibqa’ għaddejja, speċjalment fil-mumenti diffiċli.

Hemm xi ħaġa li tħoss li tixbaħ lill-mamà fiha?

Naħseb hemm ħafna aspetti fejn aħna nixxiebħu ħafna, iżda ħaġa li hija evidenti hija kemm aħna sensittivi lejn l-emozzjonijiet ta’ ħaddieħor.

Debbie, hemm xi ħaġa li ħadt partikolarment mill-mamà tiegħek li tipprova tgħaddiha lil Nicole?

Ommi tħobb tgħin u jien inħobb ngħin bħala, u jiena naħseb li rnexxieli ngħaddiha lil Nicole għaliex hija wkoll tħobb tgħin.

Ritratt: Matthew Cutajar

Debbie, liema memorji tat-tfulija mal-mamà tiegħek l-aktar li tgħożż?

Konna nagħmlu ħafna affarijiet flimkien, iżda naħseb l-iktar ħaġa hija l-vjaġġ mill-Kanada għall-Malta, għaliex dan kien speċjali ħafna.

Għandkom passjoni komuni, il-mużika. Nicole, tħoss li l-fatt li l-mamà hija f’dan il-qasam għen biex tinbet l-imħabba lejn il-mużika?

Jiena minn dejjem niftakar li kien hemm inklinazzjoni kbira lejn il-mużika għaliex minn mindu kont żgħira d-dar dejjem bl-istereo mixgħul u kulħadd ikanta. Jiġifieri naħseb li iva, il-familja kif ukoll l-mamà nibtu l-imħabba tal-mużika ġo fija.

Għandkom il-ħsieb li xi darba tagħmlu kollaborazzjoni mużikali flimkien?

Dażgur, xi darba fil-futur mhux fil-bogħod!

Debbie, x’parir tagħti lil Nicole, mhux biss fejn tidħol mużika imma wkoll għall-ħidma tagħha biex tevolvi fil-passjonijiet tagħha?

Jiena dejjem inkoraġġejtha biex ma’ taqtax qalbha, u jekk tqassam il-ħin tajjeb jirnexxielha tagħmel dak kollu li tixtieq.

Fuq xiex targumentaw l-aktar?

Fuq it-tindif! Għaliex jiena nkun irrid nieħu l-ħin tiegħi biex innaddaf u l-mamà tkun trid kollox fil-ħin tagħha, u jekk ma nkunx żbarazzajt teqred ħafna!

Debbie, fuq xiex l-aktar li Nicole tagħmlek tant kburija biha?

Tagħmilni kburija f’ħafna affarijiet, fosthom il-mużika, partikolarment fl-istudji tagħha fis-settur tas-saħħa mentali.

Tħoss li hija importanti li l-ġenituri jkunu wkoll ħbieb ma’ wliedhom?

Iva, anzi hija importanti ħafna għaliex l-omm hija l-aktar ħabiba sinċiera, waħda li se tgħidlek l-verità u li tridlek il-ġid dejjem.

Liema kienet l-aktar esperjenza intensa li kellkom s’issa f’ħajjitkom?

Żgur li meta ħalliena l-papa tiegħi, li jiġi n-nannu ta’ Nicole. Huwa kien parti importanti fil-ħajja tiegħi, speċjalment is-sapport li wera lejn il-karriera tiegħi, u anke ħafna sapport u mħabba lejn Nicole. Ngħożżuh ħafna f’qalbna u dejjem niftakru fil-memorji sbieħ li kellna flimkien.

Skoprejna wkoll li Nicole vera tinqala fit-tisjir tal-ħelu… filwaqt li Debbie mhux daqshekk!

X’inhu għaddej bħalissa f’ħajjitkom? Hemm xi proġetti ppjanati għall-futur qarib?

Debbie: Hemm proġett għas-sajf li bħalissa qiegħda naħdem fuqu imma ma nista niżvela xejn għalissa!

Nicole: Min-naħa tiegħi bħalissa għaddejjin ħafna preparamenti, għaliex il-ġimgħa li għaddiet irbaħt il-konkors ta’ Miss Supranational Malta 2022 u b’hekk, se jkolli l-opportunità li nirrappreżenta lil Malta fil-Polonja f’Lulju li ġej!

Debbie, x’messaġġ tgħaddi lil Nicole?

Inħobbok ħafna, ibqa’ sejra kif inti għaliex aħna kburin ħafna bik u dejjem se ssibna warajk, kemm fis-sabiħ u kemm fid-diffikultajiet!

Messaġġ bħala sorpriża li Nicole għamlet għal ommha Debbie għall-okkażjoni ta’ Jum l-Omm

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks