Select Page

Raġel, li kien isostni li kien “missier ir-reliġjonijiet kollha” u allegatament qal lis-segwaċi tiegħu biex jieklu l-ħmieġ tiegħu, ġie arrestat b’diversi akkużi wara li nstabu 11-il katavru, li l-maġġoranza tagħhom kienu segwaċi tiegħu, fil-post ta’ kampeġġ tiegħu fil-provinċja ta’ Chaiyaphum, fit-Tajlandja.

Il-mexxej tal-kult kien identifikat biss bħala Thawee, li għandu 74 sena, residenti fid-distrett ta’ Nong Rua fil-provinċja ta’ Khon Kaen, qal il-Gvernatur ta’ Chaiyaphum Kraisorn Kongchalard nhar it-Tnejn.

Huwa ġie arrestat nhar il-Ħadd wara personalità televiżiva shaman, Jiraphan Phetkhao, magħruf bħala Mor Pla wassal lill-pulizija u awtoritajiet minn aġenziji oħra tal-gvern jagħmlu rejd fil-post ta’ kampeġġ li jinsab f’foresta fir-raħal ta’ Moo 2 f’Tambon Dong Klang tad-distrett ta’ Khon San ta’ Chaiyaphum.

Jiraphan isostni li għandu setgħat speċjali biex jgħin lin-nies affettwati mis-supperstizzjoni, u jmexxi programm televiżiv li fih jikkampanja kontra dawk li jsejjaħ shamans foloz u Buddisti li jiksru l-liġijiet tal-patrijiet.

Huwa qal li mara kienet fittxet l-għajnuna tiegħu wara li ommha marret fil-post ta’ kampeġġ, li kien meqjus mis-segwaċi bħala “hermitage”, u allegatament ma tħallietx tmur lura d-dar.

Aktar tard, bint din il-mara saret taf li lis-segwaċi kienu jgħidulhom biex jieklu l-ħmieġ tal-mexxej tal-kult, li kien iqis lilu nnifsu bħala “Il-Missier”, għax jista’ jfejjaq il-mard kollu.

Meta sar l-arrest, l-awtoritajiet sabu lil Thawee imdawwar b’madwar 30 persuna, li dehru li kienu nies ta’ età medja u anzjani.

Is-segwaċi kollha kkonfermaw mal-awtoritajiet li huma kienu jemmnu li dan il-bniedem jista’ jfejjaqhom mill-mard. Saħansitra wħud minnhom kielu l-ħmieġ tiegħu quddiem l-awtoritajiet.

Is-segwaċi ammettew mal-awtoritajiet li l-katavri kienu ta’ segwaċi morda li mietu fil-post tal-kampeġġ wara li marru hemm biex ifittxu l-kura mingħand “Il-Missier”. Huma riedu li ġisimhom jibqa’ hemm għalih biex aktar tard jibgħathom il-“ġenna”.

Il-Gvernatur ta’ Chaiyaphum, Kraisorn, qal li Thawee ġie mixli fost oħrajn li kiser il-liġi tas-saħħa pubblika u l-att tal-kontroll tal-mard.

Kraisorn qal li se ssir l-awtopsja fuq il-11-il katavru biex isibu l-kawża tal-mewt tagħhom u aktar akkużi jistgħu jingħataw lill-akkużat.

Thawee qed jinżamm fl-Għassa ta’ Khon San u bosta segwaċi tiegħu marru jistennewh barra.

Ikkumenta

Enable Notifications    OK No thanks