Fil-bidu tad-diskors tiegħu waqt li kien qed jindirizza l-Parlament Malti lbieraħ, il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy qal li pajjiżu mhuwiex għaddej minn kunflitt imma gwerra.

Dan wara li l-iSpeaker Anglu Farrugia uża l-kelma “kunflitt” biex jiddeskrivi dak li għaddejja minnu l-Ukrajna bħalissa.

“M’għandniex kunflitt. Għandna gwerra għaddejja. Għandna bumbardamenti, tortura u qtil. Dan mhuwiex jiġri bejn ir-Russja u l-Ukrajna imma fit-territorju tal-Ukrajna, fuq it-territorju sovran tagħna. Kienet ir-Russja li ġiet fit-territorju tagħna u qed toqtolna.”

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy

Żied jgħid li qed jagħmlu l-almu tagħhom biex jipproteġu arthom u n-nies tagħhom u li qed jagħmlu dak kollu li hemm bżonn biex iġibu l-paċi fl-Ukrajna.

Huwa qabbel il-battalja tal-poplu Ukren ma’ dik tal-poplu Malti fit-Tieni Gwerra Dinjija.

“Ir-reżiljenza tal-poplu tagħkom u r-reżistenza tiegħu f’ħafna modi ddefinixxew il-futur tal-Mediterran. Malta rreżistiet għall-assedju u l-bumbardament qawwi u flimkien mal-alleati rnexxielha tipproteġi lilha nnifisha, u kellha rwol fil-ħelsien tal-Ewropa. L-avvenimenti tal-lum ifakkruni fl-istorja tagħkom.”

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy

Zelenskyy appella lill-Gvern Malti biex jagħmel il-parti tiegħu u jwaqqaf it-transazzjonijiet bankarji Russi kollha u jwaqqaf lir-Russi milli jinħbew taħt skemi ta’ passaporti jew ċittadinanza.

“Jekk jogħġobkom tħallux lil pajjiżkom jiġi abbużat, iċċekkjaw liema Russi qed jippruvaw jinħbew billi jużaw il-passaporti tagħkom għal raġunijiet ulterjuri.”

Il-Presudent Ukren Volodymyr Zelenskyy

Zelenskyy saħaq ukoll fuq il-ħtieġa li jitwaqqaf b’mod immedjat l-importazzjoni taż-żejt Russu, filwaqt li rrikonoxxa li dan huwa suġġett sensittiv għal Malta u pajjiżi oħra fl-Unjoni Ewropea.

Għal darb’oħra, fid-diskors tiegħu Zelenskyy reġa’ talab lin-nazzjonijiet tal-Punent biex jibagħtu aktar armi ħalli jkunu jistgħu jkomplu jiddefendu lill-pajjiżhom imma mhux biss, għaliex huwa saħaq li r-riżultat tal-ġlieda tagħhom jiddetermina l-futur tal-Ewropa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks