L-Ukrajna kienet fost il-pajjiżi li rnexxielhom jgħaddu għall-finali tal-Eurovision Song Contest li se jsir nhar is-Sibt l-14 ta’ Mejju, Turin.
Għalkemm ilna ġimgħat nisimgħu dwar din il-possibilità, ir-riżultat tal-bieraħ kompla jsaħħaħ il-pożizzjoni tal-grupp mużikali Kalush, li qed jirrappreżentaw lill-Ukrajna, bħala favoriti li jirbħu dan il-festival.
Hekk kif temmew il-prestazzjoni enerġetika tal-kanzunetta tagħhom Stefania, wieħed mill-membri tal-grupp irringrazzja lill-pubbliku talli qed jissapportjaw lill-Ukrajna, li għal dan, l-udjenza fl-arena rreaġixxiet b’ferħ u emozzjoni.
Is-sapport lejn il-grupp mużikali Ukren żdied mill-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna fi Frar.
F’kummenti li ta lil BBC qabel is-semifinali, wieħed mill-membri, Psiuk, qal li rebħa tkun qed tibgħat messaġġ ta’ sapport liċ-ċittadini assedjati tal-pajjiż u lil dawk it-12-il miljun ruħ li kellhom jaħarbu mill-pajjiż.

Żied jgħid li għal pajjiżhom huwa importanti ħafna li jkollhom rebħiet b’kull mod. Saħaq li jekk jirbħu, tkun opportunità oħra biex juru l-Ukrajna lid-dinja, biex ifakkru lin-nies dwar l-Ukrajna u jtellgħu l-moral fil-pajjiż kollu.
Madanakollu, l-grupp mużikali Ukren irrimarka li r-rispons qawwi dwar il-kanzunetta tagħhom mhuwiex biss espressjoni ta’ solidarjetà għaliex qabel il-gwerra kienet diġà intlaqgħet tajjeb ħafna min-nies.
Il-kanzunetta Stefania, li hija stil folk-rap, oriġinarjament ġiet miktuba għal omm wieħed membri tal-grupp, iżda qed tiġi ddedikata wkoll lill-poplu Ukren wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Jidher li l-kummentatur tat-televiżjoni Ukren għall-konkors, Timur Miroshnychenko, kien qed ixandar minn shelter.
Il-grupp kellu jikseb permess speċjali mill-gvern biex jivvjaġġa lejn l-Italja, wara li kien mitlub biex l-irġiel jibqgħu fil-pajjiż biex jiġġieldu.
Psiuk żvela wkoll li hemm wieħed mill-membri tal-grupp nieqes, għaliex minflok mar magħhom iddeċieda li jibqa’ l-Ukrajna biex jgħin fil-ġlieda għall-protezzjoni ta’ pajjiżu.
