Ilbieraħ ġew magħrufa l-10 pajjiżi finalisti mill-ewwel semifinali tas-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest, li qed isir Turin.
L-Isvizzera, l-Armenja, l-Islanda, il-Litwanja, il-Portugall, in-Norveġja, il-Greċja, l-Ukrajna, il-Moldova u l-Olanda huma l-10 pajjiżi li rnexxielhom jgħaddu għall-finali.
Ir-riżultat ġie ddeterminat permezz ta’ ġurija u televoting. It-televoting sar waqt ix-xandira diretta tal-ispettaklu filwaqt li l-ġurija vvutat waqt li kienet qed issegwi t-Tieni Prova tal-ilbies li saret nhar it-Tnejn id-9 ta’ Mejju filgħaxija.
Is-17-il pajjiż parteċipanti, kif ukoll Franza u l-Italja, kienu qed jivvutaw f’din is-semifinali.
L-10 finalisti se jingħaqdu mal-ħames pajjiżi li huma meqjusa bħala l-kbar, fil-fiinali ta’ nhar is-Sibt l-14 ta’ Mejju.
It-tieni semifinali, li għal darb’oħra se tiġi ppreżentata minn Laura Pausini, Alessandro Cattelan u Mika, se ssir għada l-Ħamis it-12 ta’ Mejju, se tkun qed tipparteċipa wkoll ir-rappreżentanta Maltija, Emma Muscat bil-kanzunetta I Am What I Am.
Flimkien ma’ Malta, il-pajjiżi li se jkunu qed jipparteċipaw fit-tieni semifinali huma l-Finlandja, Iżrael, is-Serbja, l-Ażerbajġan, il-Ġeorġja, San Marino, l-Awstralja, Ċipru, l-Irlanda, il-Maċedonja ta’ Fuq, l-Estonja, ir-Rumanija, il-Polonja, Montenegro, il-Belġju, l-Isvezja u r-Repubblika Ċeka.
Erġa’ segwi l-ewwel semifinali tal-Eurovision Song Contest:
