Ashley Judd, bint l-istilla tal-mużika Country, Naomi Judd, żvelat li ommha mietet b’feriti li kkawżat hi stess fuqha nnifisha permezz ta’ arma tan-nar.
Hija dehret f’intervista ma’ Diane Sawyer, li xxandret nhar il-Ħamis fuq Good Morning America, fejn qalet li l-membri tal-familja qablu li tiżvela l-kawża tal-mewt ta’ ommha pubblikament minkejja li hija sitwazzjoni skomda għalihom.
Hi u oħtha Wynonna Judd ħabbru li kienu tilfu lil ommhom fl-età ta’ 76 sena, fit-30 t’April. Dakinhar huma kienu qalu li ommhom kienet għaddejja minn mard mentali.
Ashley Judd qalet li hi u l-familja tagħha jridu jqajmu kuxjenza dwar il-mard mentali, u spjegat li huwa importanti li ssir distinzjoni bejn il-persuna u l-marda.
Hija żvelat ukoll li kienet hi li sabet lil ommha, wara li kkommettiet is-suwiċidju.
Fl-2016, Naomi Judd tkellmet pubblikament dwar il-mard mentali waqt Good Morning America, u żvelat li kienet ġiet iddijanjostikata b’dipressjoni u ansjetà qawwija. Il-kantanta qalet dak iż-żmien li f’perjodi ma kinitx toħroġ mid-dar għal tliet ġimgħat, u ma żżommx l-iġjene kif suppost.
