Koppja fl-Indja qed tħarrek lill-uniku tifel tagħha u lil martu talli m’għamluhomx nanniet wara li ilhom sitt snin miżżewġin.

Sanjeev u Sadhana Prasad, li għandhom 61 u 57 sena, jgħidu li użaw il-flus li faddlu biex irabbu lil binhom, ħallsulu għat-taħriġ biex isir bdot kif ukoll biex jagħmlulu tieġ lussuż.

Huma qed jitolbu kumpens ta’ madwar €626,590 jekk ma jsirux nanniet fi żmien sena.

Il-kawża ferm mhux tas-soltu ġiet ippreżentata fuq bażi ta’ “fastidju mentali”.

Il-missier qal li kien nefaq it-tfaddil kollu tiegħu fuq ibnu, u bagħtu l-Istati Uniti fl-2006 biex jitħarreġ għal bdot bi spiża ta’ aktar minn €60,000.

Skont rapporti mit-Times of India, it-tifel tagħhom irritorna l-Indja fl-2007, iżda tilef ix-xogħol u l-familja tiegħu kellha tissapportjah finanzjarjament għal aktar minn sentejn.

Shrey Sagar, li għandu 35 sena, eventwalment kiseb impjieg bħala bdot. Il-ġenituri tiegħu qalu li rranġaw iż-żwieġ tiegħu ma’ Shubhangi Sinha, li llum għandha 31 sena, fl-2016, bit-tama li jsiru nanniet u jkollhom ma’ min jilagħbu.

Il-ġenituri qalu li ħallsu għal riċeviment ta’ tieġ f’lukanda ta’ ħames stilel, karozza lussuża li tiswa ħafna u l-qamar il-għasel.

L-avukat tal-koppja qal li l-koppja qed titlob il-flus minħabba li skonthom qed jiġu maħqura mentalment.

Huwa qal li hija ħolma ta’ kull ġenitur li jkollu neputijiet u li l-koppja kienu ilhom snin jistennew biex isiru nanniet.

Il-petizzjoni tal-koppja, ippreżentata f’Haridwar, mistennija tinstema’ mill-qorti fis-17 ta’ Mejju. Binhom u martu ma jidhirx li kkummentaw s’issa.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks