Lil hinn mill-femminiżmu, minn impożizzjonijiet reliġużi jew kulturali, GUILTY hija maħsuba biex tgħin fit-tiftix għal dak li jista’ jfisser li tkun “ħatja li inti mara”.

Il-wirja titfa’ dawl fuq esperjenzi, skumditajiet, problemi relatati mas-saħħa u sitwazzjonijiet li jistgħu jgħaddu minnhom in-nisa biss.

Il-proġett huwa maħsub biex iqanqal diskussjonijijet u jkattar l-għarfien, sabiex dak li jkun isir aktar konxju minn dak li jista’ jgħaddi minnu ħaddieħor.

Il-viżitaturi huma mħeġġa biex jieħdu sehem attiv f’din il-wirja, billi jew jieħdu sehem fi djalogi, jew inkella, jiktbu l-esperjenzi personali tagħhom fi djarju apposta li jagħmel parti mill-wirja.

Id-djalogu li jmiss se jkun nhar il-Ħadd it-22 ta’ Mejju, mill-10 ta’ filgħodu sal-11.30.
GUILTY hija xogħol l-artista Etienne Farrell u qiegħda tittella’ fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti MUŻA, il-Belt Valletta. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sat-12 ta’ Ġunju, fil-ħinijiet tal-ftuħ tal-mużew, bejn id-9 ta’ filgħodu sal-16:30. Id-dħul huwa mingħajr ħlas.

