Il-Kardinal Mario Grech qed jissemma fost numru ta’ kardinali li għandhom ċans jieħdu post il-Papa Franġisku fil-konklavi li jmiss.
Dan ġie żvelat f’artiklu ppubblikat fuq it-Times of London.
Il-Kardinal Mario Grech, li għandu 65 sena, ġie elevat għal Kardinal fl-2020. Preċedentement kien Isqof t’Għawdex bejn l-2005 u l-2019.
Skont ir-rapport, Grech huwa meqjus bħala konservattiv iżda wkoll qrib il-Papa Franġisku, li jista’ jattira voti minn progressivi u konservattivi fil-konklavi.
Fil-Vatikan qed titqajjem spekulazzjoni dwar jekk il-Papa, li fl-aħħar dehriet tiegħu deher juża siġġu tar-roti, hux se jkun qed ikompli jservi bħala Papa jew jagħżel li jirtira bħall-predeċessur tiegħu.
Il-Papa Benedittu XVI kien irriżenja fl-2013, u ħalla post għall-elezzjoni tal-Papa Franġisku.
Jekk dan iseħħ, tkun xi ħaġa li qatt ma ġrat fl-istorja tal-Knisja Kattolika, li żewġ Papiet jirriżenjaw, u jinħatar ieħor waqt li t-tnejn ikunu għadhom ħajjin. Il-Papa Benedittu għandu 95 sena, il-Papa Franġisku għandu 85.
Skont l-editur tas-sit tal-aħbarijiet tal-Vatikan Crux John Allen, apparti Grech, il-kardinali l-oħra li qed jissemmew bħala suċċessuri huma l-kardinal Ungeriż Peter Erdo, il-kardinal Olandiż Wim Eijk u l-kardinal Kanadiż Marc Ouellet.
Allen qal li Mario Grech huwa interessanti wkoll peress li kellu reputazzjoni konservattiva iżda li eventwalment sar favur Franġisku. Madanakollu, irrimarka wkoll li xi konservattivi jistgħu jittamaw li kekk jiġi elett Papa, jerġa’ jmur lura għat-twemmin u tmexxija ta’ knisja kattolika konservattiva.
