Britney Spears ħabbret li sofriet korriment, xahar wara li żvelat it-tqala tagħha.

Il-kantanta qalet lis-segwaċi tagħha ta’ Instagram li hi u s-sieħeb Sam Asghari tilfu t-tarbija tagħhom, li rreferiet għaliha bħala “miracle baby”.

Dan kollu seħħ xhur wara li nħallet minn arranġament legali li ta lil missierha kontroll fuq bosta aspetti ta’ ħajjitha, inkluż is-saħħa riproduttiva tagħha.

Spears, ta’ 40 sena, u li għandha żewġ subien adolexxenti, kienet esprimiet ix-xewqa tagħha li tibni familja ma’ Asghari.

Hija qalet li żmien bħal dan huwa devastanti għal kull ġenitur.

“L-imħabba tagħna għal xulxin hija s-saħħa tagħna. Se nkomplu nippruvaw inkabbru l-familja sabiħa tagħna.”

Britney Spears

Fl-2008 missier Spears waqqaf forma ta’ kustodja legali, magħrufa bħala conservatorship, wara li esperjenzat pubblikament kriżi tas-saħħa mentali.

Waqt li tkellmet kontra l-konservatorship fil-qorti s-sena l-oħra, qalet lil imħallef li l-arranġament żammha milli tiżżewweġ jew li jkollha aktar tfal.

Waqt li ħabbret it-tqala tagħha f’April, qalet li x’aktarx tkun “iebsa” peress li qabel kienet esperjenzat dipressjoni perinatali – it-terminu mediku għal dipressjoni li jseħħ f’kull żmien bejn meta ssir taf li tqila sa madwar sena wara li tkun wellidt.

Il-kantanta, li għandha żewġt itfal miż-żwieġ tagħha ma’ Kevin Federline, qalet li din kienet “assolutament orribbli” u rari kienet titkellem dwarha fil-passat.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks