Select Page

U eżatt malli kont se nkompli nimxi, qalbi għamlet tikk.
André.
Kien qiegħed hemm, miexi fuq il-bankina tan-naħa l-oħra tat-triq, għaddej labranzetta ma’ oħra, jidħaq kemm jiflaħ. U anke hi…………anke hi kienet qiegħda ċċarrat xufftejha.
Għal mument, kont se naqsam it-triq u nagħtih ħasla!
Mhux sew telaqni hekk mingħajr ma tani raġuni għalfejn, kif u x’fatta! Dan x’ħasibni lili? Xi pupazz li tista’ tużah imbagħad tarmih hekk, mingħajr valur? Mingħajr qalb? Mingħajr emozzjonijiet?
U hekk malli daru t-tnejn lura jħarsu lejja, indunajt li ma’ kienx hu. Ma kienx André.
Kont qiegħda nimmaġina.
Kont qiegħda nimmaġinah kullimkien.
U żammejt ruħi komposta ħalli ma ninfaqax nibki quddiem dawn iż-żewġ stranġieri li kienu nnotawni niskanta nħares lejhom minn wara.
Baxxejt rasi u tlaqt lejn id-dar.
Ma ridtx nerġa’ naħseb fuqu.
Iżda kont qiegħda nħossni skomda. Mhux minħabba André biss. Imma kelli preżentiment qawwi li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċju.
Tgħid indur lura?
Tgħid immur niċċekkja ħallejtx xi ħaġa warajja hemm?
Imma xi stajt insejt?
Kollox donnu kont poġġejt fil-basket.
Forsi xi proġett? Kont ħallejt xi proġett nofs leħja?
Imma kif jista’ jkun! Jien is-soltu niċċekkja kollox darba, darbtejn, tlieta.
Imma hekk malli wasalt fi triqti, daħħalt iċ-ċavetta fil-bieb tal-komun, tlajt it-taraġ u ersaqt lejn il-bieb tal-appartament, dan is-sens li kont insejt xi ħaġa warajja donnu aktar beda jikber.
Ħadt nifs twil u dħalt ġewwa.
Mort nixgħel id-dawl. Iżda donnu l-iswiċċ ma kienx qed jaħdem sew.
Ajma ħej! Issa x’kien ġara?
Poġġejt bilqiegħda fuq is-sufan u ħarist lejn ir-ritratti li kelli mdendla mal-ħajt.
Wieħed kien tal-gradwazzjoni, ieħor mal-ħbieb, ieħor ma’ tal-familja………….
Kemm kont ilni ma nkellimhom. Jew niltaqa’ magħhom. Minħabba André lil kulħadd kont qtajt. Kont sirt ngħix għalih biss.
U f’dak il-mument, bdejt naħseb li l-ħajja kienet sabiħa. Il-ħajja kienet wisq sabiħa biex taħliha toqgħod imdejqa fuq persuna waħda.
Kelli aptit noħroġ. Immur niltaqa’ ma’ tal-familja, mal-ħbieb………

Il-ġimgħa d-dieħla…ir-raba’ u l-aħħar parti ta’ dan ir-rakkont…

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks