L-Ukrajna rebħet is-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest!
Il-kontroversja li qed iqajjem dan ir-riżultat ilha għaddejja minn qabel ma bdiet l-ewwel serata ta’ din l-edizzjoni. Dan għaliex minn wara l-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna, il-grupp mużikali Ukren Kalush kien favorit li jirbaħ.
Ħafna jaħsbu li din ir-rebħa mhijiex waħda ġusta għaliex ibbażata fuq is-simpatija u fl-opinjoni tagħhom, il-vot f’dan il-konkors għandu jkun ibbażat fuq il-mużika u mhux fuq simpatija.
Uħud minn dawn qed isostnu li r-rebbieħ veru tal-Eurovision huwa l-pajjiż li ġie t-tieni, jiġifieri r-Renju Unit.
Oħrajn jaħsbu li hija rebħa mistħoqqa, kemm għaliex togħġobhom il-kanzunetta kif ukoll għax jemmnu li l-Ukreni ħaqqhom ftit ferħ u dawl f’dan iż-żmien diffiċli li għaddejjin minnu, u jaqblu mal-messaġġ ta’ solidarjetà li din ir-rebħa kienet maħsuba li twassal lill-poplu Ukren.
L-Ukrajna kklassifikat fl-ewwel post b’631 punt filwaqt li r-Renju Unit, li kiseb l-akbar ammont ta’ voti mill-ġurija, ikklassifika fit-tieni post b’466 punt. Spanja kklassifikat fit-tielet post b’459 punt.
Din hija t-tielet darba li l-Ukrajna rebħet il-Eurovision, wara li kienu rebħu fl-2004 u fl-2016.
Erġa’ segwi l-finali tas-66 edizzjoni tal-Eurovision Song Contest:
Int x’deherlek mir-riżultat?
