Skont l-aġenzija tal-aħbarijiet statali TASS, id-Deputat Ministru tal-Affarijiet Barranin tar-Russja Sergei Ryabkov qal li jkun żball jekk il-Finlandja u l-Iżvezja jingħaqdu man-NATO u wissa dwar konsegwenzi kbar li jista’ jkun hemm.
Nhar il-Ħadd, il-gvern tal-Finlandja kkonferma d-deċiżjoni tiegħu li jingħaqad man-NATO, u ħalla warajh għexieren ta’ snin ta’ newtralità filwaqt li injora t-theddid Russu ta’ ritaljazzjoni, hekk kif il-pajjiż Nordiku jipprova jsaħħaħ is-sigurtà tiegħu fost il-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna.
Il-partit fil-gvern tal-Iżvezja aktar tard qal li se jappoġġja wkoll is-sħubija fl-alleanza.
Ryabkova qal li m’għandu jkollhom l-ebda illużjoni li r-Russja se toqgħod għal dan u sejjaħ id-deċiżjoni miż-żewġ stati, bħala żball serju ieħor li jwassal konsegwenzi kbar.
L-adeżjoni tal-Finlandja man-NATO, li x’aktarx se tieħu xhur biex tiffinalizza, se ġġib l-alleanza militari Amerikana lejn l-għatba tar-Russja, peress li ż-żewġ nazzjonijiet jaqsmu fruntiera ta’ 830 mil (1,335 kilometru).
“Il-fatt li s-sigurtà tal-Iżvezja, bħal dik tal-Finlandja, mhux se tissaħħaħ bħala riżultat ta’ din id-deċiżjoni, huwa kompletament ovvju għalina,” qal Ryabkov, skont TASS.
Żied jgħid li l-livell ġenerali ta’ tensjoni militari se jiżdied, u se jkun hemm inqas prevedibbiltà f’dan il-qasam. Ryabkov qal ukoll li hija ħasra li s-sens komun qed jiġi sagrifikat għal xi ideat delużjonali dwar x’għandu jsir fis-sitwazzjoni attwali.
