Il-Prim Ministru tal-Iżvezja Magdalena Andersson ħabbret l-appoġġ tal-partit tagħha biex il-pajjiż japplika biex jissieħeb fin-NATO.

“Aħna d-Demokratiċi Soċjali nqisu li l-aħjar għall-Iżvezja u s-sigurtà tal-poplu Svediż huwa li ningħaqdu fin-NATO. Din hija deċiżjoni li ħadna wara konsiderazzjoni bir-reqqa,” qalet Andersson waqt konferenza stampa nhar il-Ħadd.

Andersson irrikonoxxiet li din id-deċiżjoni treġġa’ lura pożizzjoni li l-pajjiż ħa għal 200 sena.

Il-Prim Ministru qalet li skont analiżi li saret, dik il-pożizzjoni ma kinitx se tibqa’ sservi tajjeb għall-pajjiż fil-futur, għaldaqstant sostniet li l-pajjiż irid jadatta għar-realtà u jieħu deċiżjonijiet ibbażati fuq il-klima attwali.

“L-Ewropa, l-Iżvezja u l-poplu Svediż qed jgħixu f’realtà ġdida u perikoluża. L-ordni ta’ sigurtà Ewropea li l-Iżvezja bbażat fuqha l-politiki ta’ sigurtà tagħha għal sekli sħaħ, issa jinsab taħt attakk,” qalet Andersson.

Id-deċiżjoni mistennija tal-Iżvezja tħabbret wara li nhar il-Ħadd, minkejja t-theddid min-naħa tar-Russja, il-Finlandja kkonfermat id-deċiżjoni tagħha li tapplika biex tissieħeb fin-NATO, wara li ż-żewġ pajjiżi kienu żammew lura milli jissieħbu għal raġunijiet storiċi u ġeopolitiċi.

Aktar kmieni l-Ħadd, il-Partit Soċjali Demokratiku tal-Iżvezja kien ħareġ stqarrija fuq is-sit elettroniku tiegħu fejn qal li ddeċieda li l-pajjiż għandu jaħdem lejn applikazzjoni Svediża biex jissieħeb man-NATO.

L-istqarrija tkompli tgħid li f’każ li tingħata l-applikazzjoni min-NATO, il-pajjiż għandu jaħdem biex jiddikjara kundizzjonijiet unilaterali kontra t-tqegħid ta’ armi nukleari u bażijiet permanenti fit-territorju Żvediż.

Fi tweet, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Iżvezja Ann Linde sejħet din id-deċiżjoni bħala “deċiżjoni storika”.

Aktar kmieni l-Ħadd, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO Jens Stoltenberg qal li “il-bieb tan-NATO huwa miftuħ” għall-Iżvezja u l-Finlandja.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks