Fuq il-paġna ta’ Facebook tiegħu, il-Professur Andrew Azzopardi esprima l-ħsibijiet tiegħu wara l-logħob tal-iSpecial Olympics Invitational Games 2022 li seħħew f’Malta fl-aħħar jiem.

Il-Professur Andrew Azzopardi qal li mingħajr ma jnaqqas il-ħidma li saret, il-Midalja tad-Deheb, dan il-pajjiż għadu ma rebaħhiex f’dan il-qasam.

Huwa semma diversi punti ta’ prijorità fil-qasam tad-diżabilità li sfortunatament, anke wara tant snin, il-ħtieġa ta’ ħidma biex verament kulħadd jingħata d-dinjità li għandu d-dritt għaliha f’dan il-pajjiż, hija kbira.

Dawn huma l-punti li semma l-Professur Andrew Azzopardi:

  • Sakemm ikun hemm din il-mandra fl-aċċessibilità (la tista’ tmur quddiesa, każin, bank, tieħu gelat);
  • Sakemm ikun hemm id-diskriminazzjoni fuq il-post tax-xogħol u fil-qasam edukattiv;
  • Sakemm is-sistema tal-edukazzjoni inklussiva ma titranġax;
  • Sakemm xi ġenituri jibqgħu jostakolaw lil uliedhom milli jkollhom relazzjonijiet u anke dawk sesswali għax għandhom diżabilità;
  • Sakemm ir-reserved parking jibqa’ jintuża’ għall-van tal-ħaxix;
  • Sakemm is-servizzi ma jiżdidux u ma jkunux madwar il-ħtiġijiet tal-persuna;
  • Sakemm ma nisimgħux x’għandhom x’jgħidu l-ġenituri;
  • Sakemm ma naħdmux b’mod konkret mal-aħwa;
  • Sakemm il-pagi tan-nies li jaħdmu f’ dan il-qasam ma jitjibux;
  • Sakemm l-NGOs ma ngħinuhomx aktar;
  • Sakemm xi qassisin jibqgħu jirreferu għall-persuni b’diżabilità bħala “anġli”;
  • Sakemm il-vuċi tagħna n-non-disabled tibqa’ aktar qawwija minn tal-persuni b’diżabilità nnfushom;
  • Sakemm ma jkunx hemm biżżejjed riċerka;
  • Sakemm l-appuntamenti mal-professjonisti jibqgħu b’dawk il-pagelli esaġerati;
  • Sakemm l-appuntamenti tal-isptar jibqgħu jsiru fil-maġġoranza tagħhom waqt il-ħin tal-iskola u x-xogħol;
  • Sakemm l-uffiċċji tas-servizzi tal-gvern jibqgħu inaċċessibbli fiżikament;
  • Sakemm persuni b’diżabilità ma jħossuhomx ċittadini attivi;
  • Sakemm l-apparat bħal wheelchairs, devices u għajnuniet jibqgħu b’dawk il-prezzijiet.

Il-Professur Andrew Azzopardi sostna li sakemm dan u ħafna aktar, isir, “lanqas mill-istarting block ma nkunu tlaqna, aħseb u ara jkollna l-midalja tad-deheb.

Irrimarka wkoll li dawn l-avvenimenti huma tajbin sakemm ma jaljenawniex mill-ħtiġijiet kbar li hemm f’dan il-qasam.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks