Select Page

Wara konsultazzjoni ma’ diversi professjonisti u għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fil-qasam tas-saħħa mentali kif ukoll ma’ persuni li għaddejjin jew għaddew minn problemi ta’ saħħa mentali, d-Dekan tal-Fakultà tat-Tisħiħ tas-Soċjetà, il-Professur Andrew Azzopardi ppubblika 100 proposta li huma meqjusa bħala prijoritajiet f’dan il-qasam.

Fost il-100 proposta, il-Professur Andrew Azzopardi semma l-ħtieġa ta’ kampanja biex tonqos l-istigma fuq is-suġġett tas-saħħa mentali.

Ippropona wkoll sptar ġdid iddedikat għas-saħħa mentali fil-prossimità tal-Isptar Mater Dei li jinbena f’din is-sena li ġejja, kif ukoll il-ħtieġa ta’ Segretarju Parlamentari għas-saħħa mentali.

Semma wkoll il-ħtieġa ta’ servizzi aktar immedjati għat-tfal bi problemi ta’ saħħa mentali kif ukoll li jiġi studjat u analiżżat is-self harm, anke f’etajiet bikrija, u jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa.

Prijorità oħra hija li jingħataw aktar korsijiet ta’ first aid għas-saħħa mentali u jsiru mandatorji fost l-għaqdiet u postijiet tax-xogħol.

Il-Professur Andrew Azzopardi semma wkoll il-ħtieġa ta’ aktar persuni pubbliċi li jitkellmu dwar esperjenzi ta’ sfidi ta’ saħħa mentali u kif affettwawhom u jingħataw spazju biex jagħtu s-sehem tagħhom għat-titjib ta’ dan il-qasam.

Semma wkoll il-ħtieġa ta’ programm ta’ appoġġ għal dawk il-persuni li jkunu fil-fażi tranżitorja bħala persuni LGBTI+ u l-familjari tagħhom minħabba l-pressjoni li timponi fuqhom is-soċjetà.

Huwa ppropona wkoll programm għall-ġenituri li uliedhom għandhom problemi ta’ saħħa mentali. Enfasizza l-ħtieġa ta’ tisħiħ ta’ servizzi għall-familja u sistemi aktar b’saħħithom biex jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ parental alienation.

Tkellem ukoll dwar il-ħtieġa ta’ aktar programmi li jqajmu kuxjenza fuq il-midja u li hemm bżonn li jsir aktar xogħol biex il-midja soċjali ma sservix aktar biex tagħmel pressjoni mentali fuq iż-żgħażagħ, kif ukoll dwar l-importanza ta’ aktar taħriġ għat-tfal fuq edukazzjoni tal-midja.

Il-Professur Andrew Azzopardi ppropona wkoll taħriġ għall-ġurnalisti biex ikunu jafu kif jittrattaw stejjer dwar saħħa mentali u ma jkomplux juru lill-persuna ta’ saħħa mentali bħala msieken u fejn ifittxu biss is-sensazzjonaliżmu.

Dwar il-ħabs, fost oħrajn semma l-ħtieġa li jitnaqqas l-użu faċli ta’ trankwilizzanti fil-ħabs u minflok niffukaw fuq talk therapy, kif ukoll servizzi għal dawk li jkunu għadhom kif jidħlu l-ħabs.

Proposta oħra hija li ssir kampanja kif l-annimali jistgħu jservu ta’ sapport u terapija specjalizzata għal min għandu problemi ta’ saħħa mentali filwaqt li nippreservaw il-benesseri tal-annimali wkoll.

Semma wkoll il-ħtieġa biex l-arti, il-mużika u l-isport ikunu aktar aċċessibbli għall-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali kemm mil-lat terapewtiku kif ukoll mil-lat ta’ divertiment u ta’ espressjoni tal-ħsus.

Fuq kollox, b’dawn il-100 proposta, il-Professur esprima l-importanza li s-settur tas-saħħa mentali jkun prijorità għall-Gvern matul dawn is-snin li ġejjin minħabba li hija problema li dejjem qed tikber.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks