Select Page

Il-mikroplastiks huma biċċiet żgħar tal-plastik inqas minn ħames millimetri. Dawn il-mikroplastiks instabu kullimkien, instabu fl-oċeani, fl-arja, fil-ħamrija, fl-ikel tagħna, fl-ilma tal-fliexken kif ukoll fl-ilma tal-vit. Instabu f’aktar minn 94% tal-ilma tal-vit fl-Istati Uniti u 72% fl-Ewropa, kif ukoll f’93% tal-ilma tal-fliexken madwar id-dinja.

Huwa stmat li tmien miljun tunnellata ta’ plastik jidħlu fl-oċeani tagħna kull sena. Il-mikroplastiks huma faċli biex jiġu diġeriti, minħabba d-daqs żgħir tagħhom, u issa huma s-suġġett ta’ reviżjoni tas-saħħa mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO).

Hemm żewġ tipi ta’ mikroplastiks: mikroplastiks primarji u mikroplastiks sekondarji. Il-mikroplastiks primarji jinkludu microfibers imxerrda minn ħwejjeġ u drappijiet oħra, bħal xbieki tas-sajd, kif ukoll partiċelli maħluqa għal skopijiet kummerċjali, bħall-kożmetiċi.

Il-mikroplastiks sekondarji huma partiċelli ffurmati meta oġġetti tal-plastik akbar, bħal fliexken tal-ilma, jiddegradaw. Din id-diżintegrazzjoni hija kkawżata minn espożizzjoni għal fatturi ambjentali, prinċipalment ir-radjazzjoni tax-xemx u l-mewġ tal-oċeani.

Il-kwistjoni bil-mikroplastiks hija li, bħall-plastiks kollha, ma jiddegradawx faċilment f’molekuli li ma jagħmlux ħsara. Il-plastik jista’ jieħu mijiet jew eluf ta’ snin biex jiddiżintegra, u sadanittant ikollu impatt negattiv fuq l-ambjent. Il-mikroplastiks huma evidenti bħala frammenti żgħar tal-plastik ikkuluriti fir-ramel. Fl-oċeani, it-tniġġis mikroplastiku ħafna drabi jiġi kkunsmat mill-annimali tal-baħar.

Instabu mikroplastiks f’organiżmi tal-baħar li jvarjaw minn plankton sal-baleni, kif ukoll frott tal-baħar kummerċjali u ilma tax-xorb. Is-sistemi standard tat-trattament tal-ilma, b’mod allarmanti, ma jistgħux jeliminaw l-evidenza kollha tal-mikroplastiks. Il-mikroplastiks fl-oċean jistgħu jitħalltu ma’ komposti tossiċi oħra qabel ma jiġu kkunsmati minn ħlejjaq tal-baħar, u jikkomplikaw aktar is-sitwazzjoni.

L-evidenza xjentifika turi li l-mikroplastiks għandhom effetti negattivi fuq l-ekosistemi vulnerabbli (eż. sikek tal-qroll, ibħra fondi, reġjuni polari), il-bijodiversità (il-ħajja tal-baħar kollha mill-plankton sa mammiferi marittimi kbar) u s-saħħa tal-bniedem.

X’nistgħu nagħmlu? Modi sempliċi biex tevita l-mikroplastik fil-ħajja ta’ kuljum tiegħek:

  • Naqqas il-konsum tal-laħam u l-ħut.

M’hemmx għalfejn issir vegan iżda wieħed jista’ jikkunsidra li jmur għal dieta flexitarian fl-għażla tal-ikel tiegħu. Mhux l-ewwel darba li rajna xi stampa ta’ ħuta maqsuma min-nofs bl-istonku mimli plastik li tkun belgħet maż-żmien, dan iġiegħlna naħsbu li dak li jieklu huma nieklu aħna. Iktar ma t-tniġġis tal-plastik fl-oċean jiżdied, iktar is-sitwazzjoni tiggrava. Hemm evidenza li tissuġerixxi li l-mikroplastiks u n-nanoplastik jistgħu jiċċaqalqu mill-istonku tal-ħut għat-tessut tal-muskoli tagħhom, li huwa dak li l-bnedmin tipikament jieklu.

Li nevitaw il-frott tal-baħar huwa pass importanti biex nillimitaw il-mikroplastiks li nibilgħu. Il-bidla għal dieta vegana tnaqqas ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet serra, u tagħmilha waħda mill-aktar għażliet ta’ stil ta’ ħajja li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent. Irkaptu tas-sajd abbandunat bħal xbieki u ħbula, imsejjaħ “ghost fishing gear” jammonta għal madwar 10% tal-iskart kollu fl-oċean, għalhekk l-evitar tal-ħut iżomm il-plastik barra mill-oċean kif ukoll minn ġisimna.

  • Issaħħanx l-ikel fil-kontenituri tal-plastik fil-microwave.

Wieħed isibha iktar faċli meta jsaħħan il-fdalijiet tal-ikel jew ikel tat-take out direttament mill-konenitur, iżda il-BPA u phthalates miżjuda mal-plastik inixxi ħafna aktar faċilment meta msaħħna. Dawn jinkludu plastik tat-Tupperware, għotjien, kaxxi tat-take-away u l-ikel iffriżzat li jissaħħan direttament mill-pakkett. Minflok ittrasferixxi l-ikel għal kontenitur tal-ħġieġ jew taċ-ċeramika.

  • Tużax tazzi tat-takeaway.

Tazzi tat-takeaway tal-karti wkoll jirrilaxxaw mikroplastiks meta jkunu esposti għal likwidi sħan. Dan ifisser li t-tazza tal-kafè sħuna ta’ filgħodu tiegħek meħuda f’tazza li tintrema qed iżżid mal-konsum personali tal-mikroplastik tiegħek.
Investi f’tazza tal-kafè li tista’ terġa’ tintuża magħmula mill-istainless steel jew mill-ħġieġ biex tużaha fil-ħanut tal-kafè favorit tiegħek. Li wieħed jieħu il-magg tiegħu stess inaqqas l-iskart ukoll.

  • Ixtri kożmetiċi mingħajr plastik.

Prodotti tal-kura personali ħafna drabi jinkludu komponenti tal-plastik. Lozjonijiet u kremi tal-ġilda, pereżempju, spiss jinkludu plastik biex jippromwovu l-assorbiment. Ħafna minn dawn il-prodotti jiġu wkoll f’kontenituri żgħar tal-plastik li huma diffiċli biex jiġu riċiklati u ħafna drabi jintremew b’mod li jagħmel ħsara.

Minflok, agħżel prodotti naturali b’alternattivi bijodegradabbli jew għażliet mingħajr plastik.

  • Uża l-weraq tat-te minflok il-boroż tat-te.

Il-biċċa l-kbira tal-boroż tat-te huma magħmula minn bejn wieħed u ieħor 25% tal-plastik, u anke dawk li huma mmarkati bħala karta huma ġeneralment imwaħħlin flimkien bil-polypropylene, li huwa tip ta’ plastik.

Ipprova ssostitwixxi l-boroż tat-te, bil-weraq tat-te, jew uża boroż tat-te li jistgħu jerġgħu jintużaw u li jistgħu jerġgħu jimtlew.

  • Farfar u uża l-hoover regolarment.

Minħabba li dawn il-frammenti ċkejkna tal-plastik huma tant mikroskopiċi, jitħalltu fit-trab taħt is-sodod tagħna, fil-kantunieri ta’ djarna, u fl-arja. It-tfarfir u l-vacuuming fuq bażi regolari jistgħu jgħinu biex nipprevjenu milli niġbduhom man-nifs tagħna. (Idealment meta tuża l-vaccum wieħed għandu juża filtru tal-HEPA).

  • Ixtri ħwejjeġ magħmula minn materjali naturali.

Huwa tajjeb li nibdew naħsbu b’aktar reqqa dwar il-ħwejjeġ li nixtru. Minflok ma tagħżel ħwejjeġ ibbażati fuq il-plastik, fittex ditti li jutilizzaw biss materjali naturali bħall-qoton, il-ħarir, is-suf, il-qanneb u l-għażel. B’dan il-mod ir-riskju tat-tniġġis mikroplastiku jinżel ħafna.

  • Ixtri filtru tal-ilma, u waqqaf l-użu tal-ilma fil-fliexken

  • Uża t-trasport pubbliku.

Il-mikroplastik jinsab ukoll fit-tajers tal-karozzi. Il-frizzjoni mit-triq tikkawża t-tajers li jkissru u jitfgħu partiċelli tal-plastik, li mbagħad jakkumulaw fl-arja.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks