Meta jkun hemm diżabilità fil-familja ma taffettwax biss lill-persuna nnifisha, imma jkun hemm impatt, kemm pożittiv u kif ukoll sfidi, fuq kull membru ieħor fil-familja. Għalhekk importanti li l-bżonnijiet tal-familija kollha jiġu indirizzati, inkluż dawk tal-aħwa tal-persuna b’diżabilità.
L-aħwa ta’ persuni b’diżabilità mhux dejjem ikollhom l-opportunità li jesprimu kif iħossuhom jew kif ħajjet ħuthom qed taffetwahom. Jeżistu sitwazzjonijiet fejn l-aħwa li ma jkollhomx diżabilità jpoġġu fuqhom infushom ċertu miri li ma jkunux daqshekk reali, għax jaħsbu li b’xi mod iridu jikkumpensaw għal ħuthom.
Tfal li għandhom ħuthom b’diżabilità ħafna drabi jkunu wkoll aktar reżiljenti u indipendenti minn tfal oħra tamparhom. Dan forsi għax il-ġenituri jiddedikaw iktar ħin mal-ulied b’diżabilità u ma jkollhomx biżżejjed ċans għal ħin ta’ kwalità mal-ulied l-oħra. Għalhekk huwa importanti ferm li dawn it-tfal li għandhom ħuhom jew oħthom b’diżabilità jkollhom spazju fejn ikunu jistgħu jiltaqgħu ma’ tfal oħra li qegħdin f’sitwazzjonijiet simili u li jesprimu ruħhom minn età żgħira.
Aġenzija Sapport, fuq rikjesti minn familji u ta’ persuni b’diżabilità, se tkun qed torganizza sessjonijiet għall-ewwel darba l-programm ġdid Super Sibs għal tfal li għandhom aħwa b’diżabilità. L-għan ta’ dawn is-sessjonijiet mhux li jkun diskussjoni jew terapija iżda kuntest ta’ soċjalizzazzjoni fejn it-tfal xorta jesprimu dak li jkunu qed jħossu jew għaddejjin minnu.
F’Super Sibs, it-tfal se jkollhom l-opportunità li:
- Jiltaqgħu ma’ aħwa oħra ta’ persuni b’diżabilità
- Jitkellmu ma’ tfal oħra li jistgħu jifhmu aħjar dwar li jkollok ħuk jew oħtok b’diżabilità
- Jiġu mgħejuna sabiex ifittxu s-sapport meta jkollhom bżonn
- Jieħdu pjaċir f’ambjent adattat għall-età tagħhom
Is-sessjonijiet tas-Super Sibs qed jiġu organizzati minn professjonisti li jaħdmu fl-Assessment and Intervention Team fi ħdan Aġenzija Sapport u għalhekk imħarrġa u esperjenzati sew fis-settur tad-diżabilità. Dan it-tim diġà jaħdem mat-tfal u l-familji ta’ persuni b’diżabilità. Dan minbarra li numru ta’ professjonisti mill-Aġenzija attendew taħriġ professjonali u liċenzjat barra minn Malta dwar ħidma ma’ aħwa ta’ persuni b’diżabilità.
Għal min huma dawn is-sessjonijiet?
Għal tfal li għandhom bejn it-8 u t-13-il-sena u li għandhom aħwa li għandhom diżabilità.
Meta?
Is-sessjonijiet se jibdew f’Lulju, u se jkun hemm ħames sessjonijiet b’kollox, darba fil-ġimgħa. Kull sessjoni ddum siegħa u tlett kwarti.
Fejn?
Is-sessjonijiet se jsiru wara nofsinhar ġewwa Ronald Mc Donald Learning Centre, il-Qawra.
Kemm jiswew dawn is-sessjonijiet?
L-attendenza hija mingħajr ħlas iżda wieħed jeħtieġ li jibbukkja peress li l-ispazju hu limitat.

Bħalissa Aġenzija Sapport qed tilqa’ applikazzjonijiet għal dawn is-sessjonijiet interessanti u interattivi. Ġenituri li jixtiequ japplikaw sabiex it-tfal tagħhom jattendu dawn is-sessjonijiet fis-sajf li ġej, jistgħu jżuru s-sit elettroniku www.sapport.gov.mt u jniżżlu l-applikazzjoni u jibagħtuha bil-posta jew permezz ta’ email fuq sapport@gov.mt. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jċempel fuq il-Helpline ta’ Aġenzija Sapport – Freephone 153 (u jagħfas in-numru 5), jew fuq 2256 8000.
L-applikazzjonijiet jagħlqu fil-31 ta’ Mejju 2022.
