Select Page

Conversations with Nature hija wirja ta’ pitturi mtella’ bħalissa mill-artista lokali Joanne Fenech Portelli fil-Mużew tal-Posta li jinsab f’135, Triq l-Arċisqof il-Belt Valletta. Din il-wirja hija serje ta’ veduti tan-natura mpittra fl-istudjow li ħarġu mill-esperjenzi ta’ plein air tal-artista.

Dan ix-xogħol artistiku huwa djalogu viżwali bejn in-Natura u l-Artist – waħda toffri sentimenti ta’ benessere u l-oħra tinterpretahom billi tpoġġihom fuq it-tila f’forma u kuluri permezz taż-żebgħa. Fil-qosor, reċiprokazzjoni ta’ emozzjonijiet, pawża biex wieħed jiskopri u jesplora dak is-sens ta’ spazju u konnessjoni man-Natura minkejja l-pass mgħaġġel tal-ħajja tal-lum.

L-artista tgħid li meta tpitter barra fil-pajsaġġ naturali, tħoss li s-sensi kollha jkunu qed jintużaw u għalhekk dan il-ġest isir konverżazzjoni man-natura. Hi tħobb taħrab mir-rutina billi meta tista’ ssib postijiet għall-kwiet fin-natura, fejn ftit nies jgħaddu, jew saħansitra ħadd. Is-siġar, ix-xagħri, u l-pjanti endemiċi huma dak li tfittex Joanne għax jagħtuha dik l-ispirazzjoni u konnessjoni man-natura li tiġi trasformata f’pittura.

L-artista ħadet dawn l-esperjenzi fl-istudjow tagħha u esprimiethom b’mod iktar kreattiv fuq tili akbar. Hi tgħid li meta tpitter fuq il-post ikollha ħin limitat u allura tieħu magħha l-inqas affarijiet possibbli u tili żgħar, anke għaliex id-dawl u d-dellijiet jinbidlu malajr.

B’dan il-mod setgħet terġa’ tgħix dik l-esperjenza ta’ plein air fl-istudjow tagħha stess hi u tkabbar il-pitturi. Għal Joanne Fenech Portelli l-aktar li hu importanti f’din il-wirja mhux fejn hu l-post li pittret, iżda l-atmosfera li nħolqot fil-pittura, u l-emozzjonijiet li wieħed iħoss meta jħares lejhom. Hi tgħid ukoll li tixtieq li żoni naturali jiġu apprezzati u mħarsa aktar, kemm biex jitgawdew issa minna u wkoll minn dawk li ġejjin warajna.

Għall-artista, il-fatt li tpitter barra fuq il-post huwa l-aqwa mod biex toħloq l-arti tagħha, u li permezz tal-pitturi twassal ferħ lil min iħares lejhom. Għaliex inkella xi tkun l-arti bla ferħ?

Conversations with Nature miftuħa sal-31 ta’ Mejju bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa mill-10:00 sa l-16:00 u s-Sibt mill-10:00 sas-14:00.

L-arti ta’ Joanne tista’ tiġi segwita fuq Facebook u Instagram fil-paġni msemmija Joanne Fenech Portelli Fine Art.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks