Nitkellmu ma’ Stiefnu De Battista, li flimkien ma’ Paul Chircop imexxu l-kumpanija tal-karnival Beqqu & Stiefnu

Wara nuqqas ta’ sentejn, il-karnival jerġa’ jirritorna biċ-ċelebrazzjonijiet tradizzjonali tiegħu. Xi jfisser dan għalikom?

Wara sentejn ta’ sfidi, li nirritornaw il-Belt huwa mument li konna ilna nistennew. Ħdimna ħafna bil-limitazzjonijiet imma wasalna.

Spiss nisimgħu li hekk kif jispiċċa l-karnival, jibdew il-pjanijiet u l-preparamenti għall-karnival tas-sena ta’ wara, speċjalment fejn jidħlu l-karrijiet. Vera din? Tispjegalna ftit dwar il-proċess biex wieħed joħloq karru?

Iva, eżatt wara li jispiċċa l-karnival jibda l-proċess mill-bidu.

Il-proċess huwa twil għax int għandek ħafna dipartimenti differenti li jridu jaħdmu flimkien. Issib is-suġġett, tiżviluppah u tibda tiskeċċja.

Tibda billi tapplika ma’ Festivals Malta fejn tiġi aċċettat tibda mill-ewwel kategorija. Dik tal-maskaruni u tibqa’ tiela’.

X’inhi t-tema tal-karru ta’ din is-sena?

It-tema li għażilna din is-sena hija ispirata mis-serje Peaky Blinders. Żviluppajna storja fejn dawn il-gangsters jiltaqgħu ma’ grupp ta’ żeffiena u tant jibda jogħġobhom iż-żfin li minn gangsters u gamblers isiru żeffiena.

Minbarra n-nuqqas ta’ sentejn tal-karnival tradizzjonali, xi sfidi ġabet magħha l-pandemija għad-dilettanti tal-karnival?

Il-pandemija ġabet sfidi kbar. Il-karnival jaqa’ taħt il-kategorija ta’ dawk li mhumiex essenzjali allura spiċċajna b’ħafna ħwienet u suppliers magħluqin. Il-fatt li konna limitati fi gruppi żgħar affettwat ukoll il-ħidma. Apparti minn hekk, il-gwerra affettwat ukoll il-prezzijiet tal-materjal, li din hija daqqa għall-parteċipanti.

Minn fejn nibtet il-passjoni tiegħek għall-karnival?

Il-passjoni għall-karnival bdiet minn ta’ età żgħira ħafna. Mindu kont tifel, kont nagħmel karrijiet żgħar tal-kartun. Il-kuġin tiegħi Paul Chircop kien daħħalni fil-maħżen ta’ Pawlu l-Pampalun u minn dak iż-żmien ma waqafx ngħin, u llum il-ġurnata jien u l-kuġin narmaw flimkien.

Xi tqis li kienu l-ikbar kisbiet tal-kumpanija Beqqu & Stiefnu s’issa? U x’aspirazzjonijiet għandkom għall-futur?

Waħda mill-kisbiet kienet meta ksibna l-ewwel post fiż-żifna tal-2020. Din is-sena se nkunu qed intellgħu karru fi Sqallija flimkien maż-żeffiena tagħna, li din minn dejjem kienet waħda mill-miri tagħna. Apparti minn hekk, bħala kumpanija ħa nibdew ħidma ma’ skejjel biex norganizzaw workshops fuq il-karnival u l-kartapesta kif ukoll se naħdmu ma’ tfal inqas ixxurtjati biex b’hekk inferħuhom bil-karnival Malti.

Kemm tħoss li evolva l-karnival matul is-snin, partikolarment bl-involviment ta’ Festivals Malta?

Il-karnival evolva ħafna. Il-mekkaniżmu ġie żviluppat ħafna u daħlet ħafna teknoloġija u inġinerija. Festivals Malta qed jagħmlu biċċa xogħol tajba ħafna, dan anke għax waqt il-pandemija sabu mezz kif jorganizzaw korsijiet fuq diversi ħiliet għall-parteċipanti. Qed naraw ukoll il-karnival ta’ Malta jiġi promoss fuq diversi pjattaformi.

Tħoss li x-xogħol kollu li jsir għall-karnival jiġi rikonoxxut u apprezzat biżżejjed?

Iva, nemmen li l-karnival jiġi apprezzat, u dan narawh mill-ammont ta’ nies li jidħlu l-Belt. Nemmen li hemm bżonn aktar spontanjetà u iktar satira. Naħseb li l-karnival huwa importanti fil-kalendarju Malti.

Il-karnival huwa parti mill-kultura Maltija, iżda n-nies għadhom ifittxu li jattendu u jipparteċipaw fl-attivitajiet tal-karnival daqs snin imgħoddija?

Il-karnival qed jinbidel ħafna. Illum għandek diversi rħula li jorganizzaw il-karnival u għalhekk qed jattira diversi nies minn żoni differenti ta’ Malta.

Taħseb li bħala poplu għadna lura fil-mentalità dwar is-satira li tiġi interpretata fil-karnival permezz ta’ karrijiet, kostumi u drammi tal-karnival?

Nemmen li s-satira rridu naħdmu aktar fuqha. Jekk naraw is-satira li ssir fil-karnival ta’ Koln fil-Ġermanja tibqa’ impressjonat. Il-knisja wkoll trid tifhem li l-karnival huwa espressjoni artistika u għandha taċċettah fuq dan il-prinċipju. L-istess jgħodd għall-politikanti. Is-satira għandha tibqa’. Ejjew nissapportjawha aktar!!

X’inhuma l-aspettattivi tiegħek għall-karnival ta’ din is-sena?

Nemmen li dan il-weekend ħa naraw ammont sabiħ ta’ nies il-Belt. It-temp ħa jkun tajjeb u sħun, u nħeġġeġ lil dawk kollha li jħobbu din il-festa jattendu. Issa li l-pandemija qiegħda tisfuma u li l-elezzjoni ġenerali ġiet fi tmiemha, issa l-mument li dan il-weekend, il-poplu kollu jinżel il-Belt u ngawdu din il-festa flimkien.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks