Iżda fl-istess ħin, dak il-ħsieb li kont insejt xi ħaġa warajja l-uffiċju, kien qed jiekolni minn ġewwa.
Qbadt u qomt bilwieqfa, erġajt lebbitt il-kowt miegħi, ġbidt il-basket għal ma’ spallejja u tlaqt inħaffef ‘il barra f’nifs wieħed.
Kelli bilfors immur.
Ridt immur nara.
Ħassejt li kont insejt xi ħaġa importanti.
Ħaffift tul it-triq kollha.
Għaġġilt u ħassejt nifsi kważi jinqata’. Ridt nilħaq il-bini miftuħ qabel ma’ dawk tas-siġurtà kienu jitilqu lejn id-dar.
U wasalt.
Wasalt quddiem il-bini tax-xogħol.
Mingħajr ebda ħsieb ieħor, ġrejt b’kemm kelli saħħa ‘l ġewwa. Dawk iż-żewġt irġiel ta’ qabel kienu għadhom hemm.
Ma ħaristx lejhom. Ġrejt lejn il-lift u tlajt fis-sular lejn l-uffiċju tiegħi.
Ridt insib dak li kont insejt.
Għax ma kontx se nħossni komda qabel ma nkun naf eżatt…………..
U dak il-ħin, eżatt malli wasalt quddiem l-uffiċju tal-ħġieġ tiegħi, ħassejtni ninqata’ mill-art bil-qata’.
Qabditni r-rogħda………….
Indunajt.
Naf x’kont insejt warajja.
Lili nnifsi.
Rajtni hemm, mixħuta mal-art b’għajnejja miftuħin beraħ u ħalqi mbexxaq.
Dak li nsejt warajja kont jien.
Il-flixkun tal-pirmli qawwija kien għadu f’idi, vojt. Kont blajthom kollha, waħda waħda. Ġisem bla ħajja. Ġisem bla ruħ.
Kont qiegħda naħseb fih.
André.
U dak il-ħin indunajt.
Indunajt li l-ħajja hija sabiħa.
U jien kont tlift iċ-ċans li ngħixha.

Ikkumenta

Enable Notifications OK No thanks